Erbat’ijiem ta’ festi, kant, wirjiet u spettaklu. Dan huwa Misraħ il-Milied organizzat mill-Partit Nazzjonalista fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà hekk kif il-Ħamis filgħaxija ngħata bidu għal dan l-avveniment tant mistenni.
Il-Ħamis filgħaxija fetħu l-ispettaklu l-kor ta’ La Voix Harmonies segwiti mill-band lokali sinonima mal-kanzunetti tal-Milied, il-grupp X-Tend.
Preżenti għall-ftuħ ta’ Misraħ il-Milied kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech illi wassal il-messaġġ tiegħu għal dan iż-żmien tant għal qalb il-familji Maltin u Għawdxin.
Is-Sibt waranofsinhar se jkun qed jiġi organizzat ukoll il-festin tal-Milied proprju għat-tfal ċkejknin, filwaqt li l-Ħadd jintlaħaq il-qofol bil-Maratona Ġbir ta’ Fondi – din id-darba b’risq l-istazzjon tar-radju Net FM. Il-Maratona tingħata bidu fil-11 ta’ filgħodu u tibqa’ għaddejja sa tard filgħaxija.
Intant, fid-Dar Ċentrali qed tiġi organizzata wirja tal-presepji li għandha għaddejja sal-Ħadd 10 ta’ Diċembru. U matul il-jum tat-Tlieta, 12 ta’ Diċembru se tkun qiegħda tiġi organizzata lejla ta’ mużika u rakkonti marbuta mal-Milied, bl-avveniment jingħata bidu fis-7:15 ta’ filgħaxija.
Dan se jkun organizzat minn AnneMarie Grech, mart il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>