Lokali

Jirritornaw f’pajjiżna ċ-ċiklisti tal-LifeCycle Challenge wara qdif ta’ 2,000km

Erbatax-il ċiklist li daħlu għal-LifeCycle Challenge tal-2023 waslu b’suċċess f’Kuala Lumpur nhar it-Tlieta li għadda wara li qadfu mal-2,000 kilometru għal għaxart ijiem minn Bangkok, fit-Tajlandja sal-Malasja biex jiġbru fondi għall-pazjenti tal-kliewi f’Malta u biex iqajmu kuxjenza dwar is-saħħa tal-kliewi.

Bħala test iebes fir-reżiljenza, il-LifeCycle Challenge jirrikjedi sforz kbir fiżiku u mentali miċ-ċiklisti biex ta’ kuljum iqattgħu ħafna sigħat fuq ir-rota għal għaxart ijiem konsekuttivi, u jiffaċċjaw it-terren u kundizzjonijiet oħra li jsibu tul it-triq, li din is-sena kienu jinkludu klima tropikali ddominata minn temp sħun, umdu u imxarrab. Spjegatilna iktar dwar dan Francesca Garbe li kienet l-ewwel esperjenza tat-tip tagħha għaliha.

Il-fundatur tal-LifeCycle (Malta) Foundation u veteran tal-LifeCycle Challenge Alan Curry tkellem ukoll ma’ Net News li qalilna li minkejja t-tħejjijiet kollha, li wieħed jasal fl-aħħar huwa ta’ sodisfazzjon enormi.

L-isfida ta’ din is-sena kienet it-23 edizzjoni tal-LifeCycle Challenge bil-għan li jinġabru madwar €200,000 biex jiġu appoġġjati pazjenti tal-kliewi, b’risq ir-riċerka medika u biex titqajjem kuxjenza dwar is-saħħa tal-kliewi. Il-LifeCycle Challenge hija organizzata mil-LifeCycle Foundation li sal-lum għadha l-unika organizzazzjoni volontarja li taħdem fil-qasam tas-saħħa tal-kliewi f’Malta.

Ritratti: Martin Agius