Lokali

Konferma oħra li Metsola aġixxiet b’korrettezza u serjetà

Sena mill-każ ta’ akkużi ta’ korruzzjoni tal-MEP Soċjalista Kaili

F’għeluq is-sena minn meta faqqa’ l-iskandlu Qatargate li fih inkixfu każijiet ta’ korruzzjoni u tixħim li fih hemm involut l-MEP Soċjalista Eva Kaili u MEPs u eks MEPs oħra Soċjalisti, diversi ġurnali internazzjonali komplew jiżvelaw informazzjoni dwar dak li kien għaddej fl-uffiċini ta’ dawn l-MEPs.

Is-Soċjalista Eva Kaili, is-Soċjalist Pier Antonio Panzeri u l-assistent tiegħu, li hu l-partner ta’ Kaili qed jiġi akkużati b’tixħim u korruzzjoni wara li nstabu basktijiet bil-flus għandhom jew għand nies viċin tagħhom. L-akkużi huma b’rabta tal-mod kif pruvaw jimmanipulaw il-Parlament Ewropew b’influwenza diretta mill-Qatar u pajjiżi oħra.

Fl-aħħar siegħat, il-ġurnalisti internazzjonali ġabu wkoll informazzjoni mill-mobile ta’ Kaili – kontenut li jikkonferma għal darb’oħra kif il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola dejjem aġixxiet b’korretteza u serjetà.

Filfatt, għall-istedina ta’ Kaili biex Metsola tattendi l-logħob tat-Tazza tad-Dinja fil-Qatar is-sena li għaddiet, il-President tal-Parlament Ewropew kienet irrifjutat din l-istedina minħabba s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f’dan il-pajjiż.

“Dwar il-Qatar, irċevejt stedina biex nattendi. Iddeċidejt li ma nattendix għaliex għalija, għall-Parlament Ewropew, għandna tħassib dwar is-saltna tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem. U naħseb li, u ma rridx li nħallat il-politika mal-futbol, għaliex jien inħobb il-futbol.

Imma ddeċidejt li ma tmurx.

Iva, għaliex iridu wkoll nirrikonoxxu l-problemi, l-isfidi li jiffaċċjaw.”

B’kuntrast, il-Ministru Laburista Ian Borg kien aċċetta l-istedina biex imur jara l-logħob tat-Tazza tad-Dinja tal-Qatar.

Bħala President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola kienet imfaħħra għall-mod kif indirizzat dan l-iskandlu tal-MEPs Soċjalisti. B’deċiżjonijiet b’saħħithom, b’riformi fil-ħidma tal-MEPs. Fil-fatt, taħt it-tmexxija tal-President Metsola, diġa’ daħlu fis-seħħ numru kbir ta’ deċiżjonijiet ġodda li jżidu t-trasparenza, l-kontabbilta’ u l-integrita’ fil-Parlament Ewropew