Rowen Camilleri
Illum jingħata bidu għall-10 ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier b’logħba fis-Centenary Stadium u tnejn fl-Istadium Nazzjonali. Għada mbagħad jintlagħabu żewġ logħbiet oħra li jagħlqu tmiem il-ġimgħa ta’ logħob hekk kif Birkirkara u Ħamrun se jilagħbu f’nofs il-ġimgħa d-dieħla kontra Gudja u Gżira rispettivament minħabba li lbieraħ kienu mpenjati fil-finali tas-Super Cup mirbuħa mill-Ispartans.
Sliema Wanderers vs Balzan | Illum, fis-2pm fis-Centenary Stadium
Konfront bejn żewġ timijiet li ġejjin minn rebħa, bi Sliema jirbħu kontra Hibernians filwaqt li Balzan għelbu lit-tim tal-qiegħ nett Sirens. It-tim immexxi minn Paul Zammit s’issa kellu staġun mill-aqwa u mhux b’kunbinazzjoni jinsabu fit-tielet post flimkien ma’ Marsaxlokk b’16-il punt. Għal din il-partita il-Blues se jkunu mingħajr Murilo Henrique li se jkun qed jiskonta sospensjoni ta’ logħba. Balzan min-naħa l-oħra fl-aħħar konfront irritornaw għar-rebħ bl-aktar mod konvinċenti meta għelbu lil Sirens 3-0 biex issa jittamaw li jżommu dan ir-ritmu u forsi jkunu xi ftit konsistenti biex jisfidaw għal post fl-Ewropa. Kontra Sliema iżda, it-tim immexxi minn Oliver Spiteri irrid ikun fl-aħjar forma possibli biex jieħu tliet punti hekk kif se jilgħab kontra tim dixxiplinat u tattikament organizzat ħafna.
L-aħħar konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet spiċċa f’rebħa ta’ 1-0 għal Balzan.
Valletta vs Hibernians | Illum, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali
Fil-passat riċenti konfront bejn Valletta u Hibernians normalment kien ikun konfront bejn żewġ timijiet li jkunu qed jiġġieldu għall-unuri, fejn fl-aħħar snin kellna saħansitra anke decider għall-kampjonat bejn dawn iż-żewġ timijiet. Dan l-istaġun iżda, tal-inqas s’issa, Valletta u Hibernians jinsabu f’pożizzjonijiet mhux daqsekk tradizzjonali fil-kampjonat fejn Hibernians jinsabu fit-tmien post bi 13-il punt filwaqt li Valletta jinsabu tliet punti taħthom fl-għaxar post. Kemm Valletta kif ukoll Hibernians sofrew telfiet fl-aħħar ħarġa tagħhom, bil-Beltin jitilfu d-derby fl-aħħar minuti kontra Floriana filwaqt li l-Pawlisti sfaw megħluba minn Sliema, u għalhekk it-tnejn li huma se jkunu qed joħorġu għal xejn inqas minn rebħa sabiex tbegħdhom kemm jista’ jkun mill-periklu. Valletta se jkunu mingħajr id-difensur Neil Micallef li jinsab sospiż.
L-aħħar logħba bejn dawn it-tnejn rebħuha Valletta bl-iskor kbir ta’ 4-0.
Mosta vs Floriana | Illum, fil-5pm fl-Istadium Nazzjonali
L-aħħar partita tal-lum hija dik bejn Mosta u l-leaders tal-kampjonat Floriana, b’dawn tal-aħħar se jkollhom iċ-ċans li jiftħu vantaġġ momentarju ta’ sitt punti fuq l-eqreb rivali Ħamrun. Mosta bħalissa għaddejjin minn mument diffiċli fejn issa ilhom tliet logħbiet mingħajr rebħa, u flimkien ma’ Valletta jinsabu f’waħda mill-pożizzjonijiet il-ħomor b’10 punti. Bla dubju li l-konfront kontra Floriana huwa wieħed diffiċli ħafna u wara dan jaffaċċjaw lil Hibernians fl-aħħar logħba għal din is-sena. Jekk Mosta ma jiksbux minn tal-inqas rebħa minn dawn iż-żewġ logħbiet, is-sena 2024 tibda bil-problemi hekk kif ikunu bdewha fil-postijiet ta’ relegazzjoni. Floriana min-naħa l-oħra, għalkemm ma kienux konvinċenti, kontra Valletta kisbu dak li riedu biex telgħu weħidhom fl-ewwel post u għalħekk xejn inqas minn rebħa ma tissodisfhom hekk kif il-ġimgħa d-dieħla għandhom konfront iebes kontra Marsaxlokk qabel il-waqfa tal-festi.
Mosta għelbu lil Floriana 2-0 fl-aħħar logħba bejn dawn iż-żewġ timijiet fi Frar li għadda.
Marsaxlokk vs Santa Lucia |Għada, fil-11am fis-Centenary Stadium
It-tim immexxi minn Winston Muscat bla dubju li jibda favorit kontra Santa Lucia fl-ewwel logħba tal-Ħadd filgħodu fis-Centenary Stadium. Madankollu wieħed irid jiftakar li wara serje ta’ riżultati negattivi, is-Saints kisbu l-ewwel rebħa tal-kampjonat kontra Mosta l-ġimgħa li għaddiet u dan jista’ jkun ta’ stimolu għall-iskwadrata’ Zinnari, minkejja li realistikament fuq il-karta l-konfront huwa wieħed diffiċli mmens kontra tim li għadu ġej minn rebħa ta’ 4-2 fuq Gżira. Plejers bħal Messias u Akinbule qed ikunu ta’ theddida serja għall-avversarji ta’ Marsaxlokk u Santa Lucia għandhom joqgħodu attenti li jillimitaw l-ispazji għal dawn iż-żewġ plejers li kapaċi jagħmlu ħsara kbira hekk kif bejniethom skorjaw 13 mit-18-il gowl li skorjaw Marsaxlokk. Ix-Xlukkajri se jkunu mingħajr Armah Ayo Vaikainah li qed jiskonta sospensjoni ta’ tliet logħbiet wara li kontra Gżira tkeċċa wara nofs siegħa logħob.
Marsaxlokk rebħu l-aħħar partita kontra Santa Lucia b’awto gowl fil-91 minuta fi Frar li għadda.
Sirens vs Naxxar Lions | Għada, fis-2pm fl-Istadium Nazzjonali
L-aħħar partita għal din il-ġimgħa hija dik bejn it-tim tal-qiegħ nett Sirens u s-sorpriża tal-istaġun, in-neo-promossi Naxxar Lions. Ftit hemm xi ngħidu fuq Sirens, 2 punti minn disa’ logħbiet, 7 tlefiet u darbtejn draw u kif għedna drabi oħra pjan ta’ barranin mill-Ghana li falla kompletament. Mhux l-istess jista’ jingħad għal Naxxar li wara rebħiet konsekuttivi kontra Balzan u Birkirkara, il-ġimgħa l-oħra rebħu wkoll lil Gudja United u telgħu fil-ħames post tal-klassifika. Prestazzjonijiet kollettivi bl-għajnuna ta’ plejers individwali bhal Pablo Carvalho u Wilian Marcillo, li mhux se jkun disponnibli f’dan il-konfront minħabba li hu sospiż, trasformaw lil dan it-tim li, li kieku xi ħadd ġie jgħidilna li wara disa’ logħbiet kienu se jkunu fil-ħames post probabbli ma konniex nemmnuh. George Vella u sħabu jafu biżżejjed li dan il-mument pożittiv m’għandux jiġri bihom u li għandhom jibqgħu jaħdmu bilgħaqal u jagħtu dak kollu li jistgħu biex it-tragward li jżommu posthom mal-kbar tal-futbol Malti jilħquħ kemm jista’ jkun malajr. Minbarra lil Marcillo, Naxxar għandhom sospiż ukoll lil Elizeu Espirito Santo.
L-aħħar li ltaqgħu dawn it-tnejn kien fiċ-Challenge League fl-istaġun 2018/19 bl-aħħar logħba bejniethom fid-9 ta’ Marzu tal-2019 intrebħet minn Sirens 1-0.
//= $special ?>