Futbol Sport

Futbol Taljan: Federico Gatti jerġa’ jkun deċiżiv għal Juventus

(Ritratt: EPA)

Id-difensur ta’ Juventus Federico Gatti reġa’ kien deċiżiv meta fil-51 minuta skorja dak li kellu jkun il-gowl rebbieħ li bih Juventus għelbu lil Napoli fl-Alianz Stadium.

B’din ir-rebħa t-tim ta’ Allegri reġa’ qabeż fl-ewwel post tal-klassifika b’punt vantaġġ fuq ir-rivali Inter, li llejla jistgħu jirritornaw fl-ewwel post jekk jegħlbu lil Udinese f’San Siro.

Għal Napoli u l-kowċ il-ġdid Walter Mazzarri din kienet it-tieni telfa konsekuttiva, fejn għal darb’oħra Napoli naqsu milli jsibu x-xibka.

Napoli issa jinsabu 12-il punt taħt l-istess Juventus u huma prattikament maqtuha mit-tellieqa għat-titlu.

Fil-logħbiet tal-lum, ferm interessanti għandu jkun il-konfront ta’ Bergamo bejn Atalanta u Milan.

Ir-Rossoneri iridu jżommu l-kuntatt ma’ Inter u Juventus u wara s-suċċess miksub kontra Frosinone ma jistgħux ifallu iktar  punti, u l-impenn ta’ Bergamo hu wieħed ferm importanti.  

Minn naħa tagħhom Atalanta ġejjin minn telfa kbira kontra Torino u għalhekk jippruvaw jiksbu l-punti kontra Milan.

Iktar tard illejla il-leaders Inter mhux mistennija jfallu f’San Siro kontra Udinese.

Iż-żewġ timijiet ta’ Ruma ikomplu bil-ġlieda tagħhom lejn l-ewwel erba’ postijiet fil-klassifika.

Lazio jkunu fil-Bentegodi kontra Hellas Verona filwaqt li Roma ta’ Jose Mourinho għada filgħaxija jkunu fl-Olimpico kontra Fiorentina.

Ilbieraħ

Juventus v Napoli 1-0

Illum

15:00 Verona v Lazio

18:00 Atalanta v Milan

20:45 Inter v Udinese

Għada

12:30 Frosinone v Torino

15:00 Monza v Genoa

18:00 Salernitana v Bologna

20:45 Roma v Fiorentina

It-Tnejn

18:30 Empoli v Lecce

20:45 Cagliari v Sassuolo