Il-problema tal-indafa f’pajjiżna tant qed tikber li issa qed tħalli l-impatt tagħha wkoll fuq it-turisti li jżuru Malta. Fiflatt aktar minn kwart tat-turisti li waslu Malta fis-sajf tas-sena li għaddiet iddiskrivew is-sitwazzjoni tal-indafa f’pajjiżna bħala waħda fqira jew fqira ħafna.
Dan ħareġ minn stħarriġ li sar mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu illi wera li iktar minn 29% tat-turisti taw marka ħażina ħafna lil pajjiżna fil-qofol tal-istaġun turistiku Malti.
Is-stiwazzjoni tal-indafa kienet ftit aħjar fix-xhur tax-xitwa; iżda t-turisti xorta waħda klassifikaw din is-sitwazzjoni bħala waħda fqira jew fqira ħafna.
It-taqsima tar-riċerka fi ħdan l-MTA qalet li dan l-istħarriġ jindika kemm huwa kruċjali li pajjiżna jinżamm aktar nadif, għax dan iwassal għal livell ogħla ta’ sodisfazzjon min-naħa tat-turisti li jżuru pajjizna.
Il-problema tal-iskart hija kwistjoni li matul is-sajf li għadda kienet fuq fomm kulħadd – skart li matul dawn ix-xhur, jiżdied iktar peress li n-nies joħorġu iktar. U anke minħabba l-element tas-sħana qawwija li tolqot lil pajjiżna fis-sajf.
Dan iż-żmien, il-pubbliku Malti kien ingħata l-parir li jiffriża l-iskart organiku – parir li kien ħoloq kontroversja kbira.
Is-Sindki tal-lokalitajiet li huma kunsidrati ċentri turistici wkoll kienu urew it-tħassib tagħhom għall-ammont kbir ta’ skart li kien qed jitħalla fit-toroq ta’ dawn il-lokalitajiet, partikolarment matul ix-xhur tas-sajf.
Dan l-istħarriġ wera wkoll li dawk it-turisti li jżuru lil pajjiżna matul il-ħarifa, ikunu iktar sodisfatti bil-vaganza tagħhom minn dawk li jżuruna bejn Ġunju u Settembru.
Dan filwaqt li 87% tat-turisti li jżuru Għawdex, huma lesti li jerġgħu jżuru l-gżira Għawdxija fil-futur… filwaqt li huma 72% it-turisti li żaru Malta, u li lesti jerġgħu jżuru pajjiżna.
//= $special ?>