Lokali

“L-awtoritajiet ta’ pajjiżna, mhux qed jagħmlu biżżejjed għall-vittmi ta’ vjolenza domestika”

“L-awtoritajiet ta’ pajjiżna, mhux qed jagħmlu biżejjed biex verament jjkunu protetti l-vittmi ta’ vjolenza domestika”

Dan qalitu l-Malta Women’s Lobby, fi stqarrija ppublikata s-Sibt, hekk kif propju l-jum tal-Ħadd ifisser it-tmiem tas-16-il ġurnata ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza fuq in-nisa.

Fl-istqarrija tagħhom, huma stqarrew illi minkejja r-rakomandazzjonijiet li ingħataw fl-inkjesta tal-qtil ta’ Bernice Cilia u l-ħatra tat-tieni maġistrat fuq dawn il-każijiet, xorta waħda għad hemm il-fuq minn 2200 każ ta’ vjolenza domestika fil-qrati Maltin.

Huma tennew ukoll, illi t-tieni maġistrat li nħatar fuq dawn il-każijiet, minn Settembru sa issa, mhux qed jaħdem fuq każijiet ta’ vjolenza domestika, u għalhekk ikkonfermaw illi l-Ministeru tal-Ġustizzja, li jaqa’ taħt il-Ministru Jonathan Attard, qatt ma kellu l-intenzjoni serja li jnaqqas id-dewmien biex jinstemgħu l-każi ta’ vjolenza domestika.

Il-Malta Women’s Lobby, ikkritikat lill-awtortijiet, fejn qalet illi jekk l-implimentazzjonijiet tal-policies ma jsirx kif suppost, inutli jsiru kampanji mimlijin kliem fieragħ. Dan hekk kif kompliet tgħid illi f’pajjiżi normali, meta l-Gvern joħroġ bi strateġija importanti…l-ewwel jiġi ppreżentat budget biex l-istrateġija tiġi implimentata, u li kliem fieragħ ma jfisser xejn, jekk ma jsir xejn b’mod tennibli.

Intant, fl-istqarrija tagħhom tkellmu ukoll fuq kif issa n-nies imxebbgħin b’konferenzi stampi bi kliem fieragħ – u li ma għandhom l-ebda impatt fuq dawk il-vittmi li għandhom bżonn l-għajnuna.

Fid-dawl ta’ dan kollu, huma urew id-diżappunt tagħhom lejn il-prijoritajiet tal-Gvern ta’ Robert Abela – prijoritajiet, li ma jinkludux il-vjolenza kontra n-nisa,  u l-vjolenza domestika.