Dawn il-festi li għandna quddiemna qegħdin jitqiesu minn ta’ Kastilja u minn Robert Abela nnifsu bħala grazzja minn Alla għaliex f’dan il-mument ta’ festi u ċelebrazzjonijiet, jistgħu jitfgħu l-attenzjoni tagħhom dwar kif se jfasslu pjan aktar fit-tul biex isalvaw wiċċhom u mill-problemi li qegħdin joħonquhom u jgħoddsuhom ’l isfel.
Robert Abela kulma jmur qiegħed jidher li qiegħed imexxi Gvern li għajja fil-veru sens tal-kelma. Sensiela kontinwa ta’ żbalji qegħda tikkaratteristika l-performance ta’ dan il-Gvern Laburista. U mhux f’affarijiet ta’ ċertu portata kbira ħafna, imma anki f’deċiżjonijiet li suppost huma ta’ inqas kontroversja.
Iżda bħal donnu Robert Abela mhu jirnexxielu jġib xejn żewġ. U l-aktar problema iżda hi li dawn l-isqaqien qiegħed jidħol fihom hu stess. L-eżempji – u m’hemmx għalfejn nieħdu eżempji klassiċi bħal x’għamel dwar it-talba għal Inkjesta Pubblika dwar it-traġedja ‘Jean Paul Sofia’ – huma qatigħ.
Nistgħu nsemmu l-froġa attwali u friska – żvelatha anki minn Il-Mument tal-Ħadd li għadda – dwar kif il-Gvern Laburista ma jridx li persuni ta’ ċertu età jkollhom aċċess għat-tabakk u allura ma jistgħux ipejpu. Iżda ftit tax-xhur ilu biss kien l-istess Robert Abela li ħareġ għonqu biex illeġisla favur l-illegalizzar tat-tipjip tal-kannabis, il-mariwana u l-ħaxixa!
Nistgħu nsemmu wkoll il-froġa attwali u friska oħra tal-età tal-liċenzja tas-sewqan fejn Robert Abela qiegħed jgħid li f’Malta l-età għas-sewqan għandha tibqa’ ta’ tmintax-il sena. Dan meta l-istess Robert Abela fil-jiem li għaddew ħareġ jiftaħar li jrid li f’Malta jkun possibbli li sinku jkollu inqas minn sbatax-il sena!
Politika ta’ ħawwadni ħalli forsi nipprova nifhem; politika bla viżjoni; politika bla direzzjoni… politika bażata fuq iċ-cheap u l-populiżmu
sfrenat… politika bażata fuq li Robert Abela jidher ħelu għall-gallarija… iżda daqshekk.
Fil-verità Robert Abela għandu jdejh marbuta f’livell tal-Kabinett tal-Ministri u kulħadd jiftakar fis-sajf li għadda meta pprova jiddixxiplina lill-Ministru Anton Refalo minħabba s-serq ta’ patrimonju nazzjonali li spiċċa f’daru, kif qamu għalih Ministri u spiċċa bela’ kliemu u l-ħolm li kellu. F’dan il-livell Robert Abela hu ltim u bla appoġġ.
L-istess diskors jgħodd ukoll għal-livell tal-Grupp Parlamentari Laburista fejn ukoll għandu għadd ta’ għedewwa; flok kollaboraturi għandu lanżit u Deputati mweġġa’ għall-mod kif ittrattahom tul din il-leġislatura; għall-mod kif daħak bihom u ssottovalutahom.
U l-istess narrattiva tgħodd ukoll għar-rigward tat-tmexxija tal-Partit, fejn la jgawdi stima fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun u wisq inqas fl-istazzjon ONE fil-Marsa fejn hemm qbil li bih fit-tmun il-Partit Laburista riesaq gass down lejn l-ewwel telfa elettorali f’Ġunju li ġej.
Raġuni prinċipali għal dan il-falliment fil-politika tiegħu hi ġejja mill-fatt li r-raġel għandu rasu iebsa. Mhux kapaċi jiddeċiedi b’mod oġġettiv u imparzjali. Mhux kapaċi jħares fit-tul u lejn l-effetti li jkunu se jemerġu grazzi għad-deċiżjonijiet li jieħu. Eżempji klassiċi dwar dan kemm trid.
Fuq kollox ir-raġel tant għandu stelletti minn quddiem u minn wara li fil-veru sens tal-kelma ma jista’ jagħmel l-ebda pass… la ’l hawn u wisq inqas ’l hemm. Il-kwistjoni ‘Joseph Muscat’ tibqa’ tkiddu wisq. Magħha kwistjonijiet oħra… ‘Konrad Mizzi’, ‘Chris Cardona’, ‘Edward Scicluna’, ‘Rosianne Cutajar’, ‘Abbużi PA’, ‘Skandli MFSA’, ‘Ministri Inkompetenti’, ‘Chairman u Terzi li qegħdin jibilgħu kulma jaraw quddiemhom’…
Lista twila li ma tintemm qatt bl-istess Robert Abela jaħseb u jemmen li jista’ jikkontrolla s-sitwazzjoni billi jżomm taħt il-ħakma tiegħu lill-istituzzjonijiet u ma jħallihomx jaħdmu u jiffunzjonaw kif wieħed jistenna f’soċjetà demokratiku kif mixtieq minn poplu li jippretendi u jistenna li jkun trattat b’mod ġust.
Iżda l-affarijiet f’pajjiżna huma ferm lil hinn milli jkunu normali u kif mistenni. Għandna lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà litteralment statiku u ma jrid jagħmel xejn biex jonora l-Ġurament tal-ħatra tiegħu. Għandna lill-Avukat Ġenerali tar-Repubblika Victoria Buttigieg li litteralment tisfida proċessi li qegħdin jibku biex issir ġustizzja fil-konfront tagħhom. Għandna Maġistrati li jikkollaboraw
bejniethom biex jagħmlu ħsara lill-Ġustizzja bl-iskop li jaġevolaw lill-Gvern tal-ġurnata. Għandna kroll kbir tal-pilastri li fuqhom suppost li hi mibnija d-demokrazija.
U minn dan il-kollass u falliment kollu – kif ma ddejjaq xejn jikteb fuq il-midja soċjali fil-jiem li għaddew l-Eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista Jason Micallef – Robert Abela jiddejjaq biss li qiegħed jitlef l-appoġġ tad-delegati u l-partitarji Laburisti. U għalhekk ta’ Kastilja qegħdin jibagħtu għalihom biex jagħmlu ‘paċi’ magħhom! Ħalliha li s-Sinjura Lydia Abela ġieli ħalliet sala nies irrabjati jistennewha u baqgħet ma tfaċċatx!
Allura fil-kwadru ta’ dan ix-xenarju kollu Robert Abela qiegħed iħares lejn il-festi li ġejjin fil-jiem ta’ quddiemna bħala opportunità biex jevita mill-mewġ għoli; biex jipprova jarmi ’l barra xi ftit mill-ilma dejjem dieħel fil-bastiment tiegħu; bastiment li issa mhux biss xquq u konsenturi għandu imma anki toqob li minnhom l-ilma dieħel ġmielu!
Naturalment dan hu perjodu momentarju u xejn aktar. Sempliċiment qiegħed jipposponi l-problemi dejjem jikbru li għandu quddiemu. Jaf li b’Ministri bħal Aaron Farrugia (li anqas kapaċi biss ilaqqa’ liċ-Chairman ta’ Transport Malta u liċ-Chairman ta’ Infrastruttura Malta dwar il-way forward fix-xogħlijiet tat-toroq); lil Clayton Bartolo (li anqas kapaċi jiġġestixxi d-deskasteru tiegħu u qiegħed iħalli kollox f’idejn Johann Grech); Anton Refalo (li moħħu f’kollox minbarra dak li suppost hu ffukat fuqu fil-Ministeru tal-Biedja u s-Sajd); u Owen Bonnici (li ismu hu sinonomu ma’ tmexxija ħażina u żbaljata kull fejn kien) sempliċiment se jkompli dieħel fil-ħajt.
Min-naħa l-oħra qiegħed ikompli jipposponi l-problemi dejjem jikbru li għandu quddiemu b’Ministri bħal Chris Fearne, Clyde Caruana, Miriam Dalli, Silvio Schembri u Ian Borg lesti biex idawru favur tagħhom dak il-mument meta Robert Abela se jkun qiegħed jiffaċċja problemi kbar fit-tmexxija tiegħu.
Għalhekk Robert Abela qiegħed iħares lejn dawn il-festi li ġejjin fuqna bħala mument ta’ ftit arja friska għalih… forsi tal-inqas jindirizza wkoll il-problemi serji li għandu fuq livell ta’ tmexxija tal-Partit Laburista fejn hemm min qiegħed jhedded li jarmi x-xugaman u jirriżenja minn kollox jekk l-affarijiet ma jinbidlux!
//= $special ?>