Lokali

GRAZZI: Jinġabru €262,272 waqt il-maratona ġbir ta’ fondi tal-PN

€262,272.

Din kienet is-somma miġbura fil-Maratona Ġbir ta’ Fondi li organizza l-Partit Nazzjonalista matul il-jum tal-Ħadd – fejn matul is-sena 2023, b’kollox il-ftit mingħand il-ħafna, u l-ġenerożità tal-pubbliku sabiex jinvesti fil-Partit Nazzjonalista u l-media tiegħu ssarraf għal €1,082,413.

Maratona li matulha, eluf ta’ Maltin u Għawdxin taw l-appoġġ finanzjarju tagħhom biex jissaħħaħ il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista bl-aktar mod possibli – permezz ukoll ta’ investiment qawwi fost oħrajn fl-istazzjon tar-radju Net FM.

Fl-inizjattiva ġbir ta’ fondi ipparteċipa wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, illi wieġeb diversi domandi minn żgħażagħ li kienu preżenti għal din il-maratona.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech miss ma’ diversi temi fosthom l-għoli tal-ħajja, l-ambjent u l-propjetà.

Dwar l-għoli tal-ħajja, Bernard Grech insista li bil-mudell ekonomiku ta’ eċċelenza u kwalità li qed jipproponi l-Partit Nazzjonalista, il-poplu se jkun prijorità filwaqt li se tisaħħaħ d-demokrazija f’pajjiżna.

Kif mistenni, din il-maratona kienet imżewqa bil-libsa tal-Milied, f’dan iż-żmien uniku ta’ festeġjamenti u allegrija – inizjattiva li offriet spettaklu u divertiment għall-familja kollha.

Il-maratona infetħet mis-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino, u mit-Teżorier Veronica Perici Calascione.

Intant matul il-jum il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech żar diversi lokalitajiet sabiex jiltaqa’ mal-attivisti li kienu qed jiġbru d-donazzjonijiet tan-nies fil-każini; filwaqt li l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista laqa’ id-donazzjonijiet f’Għawdex.