Lokali

Ħabta head-on fi Triq Għajn Tuffieħa; 3 persuni l-Isptar

Tliet persuni spiċċaw ittieħdu l-Isptar Mater Dei wara li sofrew xi ġrieħi f’ħabta bejn żewġ vetturi fi Triq Għajn Tuffieħa, fil-limiti tal-Imġarr.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.30 tas-Sibt filgħaxija, hekk kif minn investigazzjoni preliminari li saret, jidher li seħħet ħabta frontali bejn vann tal-għamla Isuzu Trooper, misjuq minn raġel ta’ 61 residenti Ħad-Dingli, u bejn vettura tal-għamla Toyota Vitz misjuqa minn raġel ta’ 40 sena residenti Mellieħa. Fil-karozza kien hemm ukoll mara passieġġiera ta’ 40 sena residenti Naxxar.

Tim mediku flimkien ma’ membri tal-Protezzjoni Ċivili marru fil-post sabiex jassistu. Ftit tal-ħin wara, it-tliet persuni ittieħdu l-isptar Mater Dei b’ambulanza għall-kura meħtieġa.

Sa issa għadha mhix magħrufa l-kundizzjoni tagħhom, iżda mill-informazzjoni li għandu Net News ma jidhirx li xi ħadd weġġa’ serjament fl-inċident.

Kawża tal-inċident it-triq għal xi ħin ingħalqet għat-traffiku u nħoloq traffiku kbir fit-triq u ż-żona tal-madwar.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.