Lokali

Il-Gvern Malti qatt ma ġera wara Binance biex tħallas miljuni ta’ ewro f’taxxi dovuti f’Malta

  • Allegazzjonijiet li ma’ Changpeng Zhao gawdew nies bħal Joseph Muscat u Silvio Schembri
  • – L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) u l-Borża ta’ Malta dejjem kienu xettiċi mill-kredenzjali tal-kumpanija Binance

Ftit tal-jiem ilu l-Qrati Amerikani sabu lin-negozjant Changpeng Zhao, l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tal-kumpanija Binance li hi l-akbar kambjulatur tal-cryptocurrency fid-dinja, ħati li kiser il-liġijiet tas-sigurtà tal-Istati Uniti tant li din il-kumpanija naqset milli tonora l-obbligi tagħha fir-rigward ta’ ħlasijiet ta’ taxxi dovuti u għalhekk l-istess Changpeng Zhao aċċetta li jħallas il-multa ta’ €3.9 biljun biex dan il-każ ta’ evażjoni mad-Dipartiment tat-Teżor Amerikan jingħalaq hawn.

Imma lil hinn minn din l-istorja importanti ta’ evażjoni ta’ taxxi iżda anki ta’ proċess ta’ ġustizzja fil-Qrati Amerikani biex dak li hu dovut lill-poplu Amerikan jingħatalu, tajjeb li ngħidu lil-istess Changpeng Zhao kien il-persuna li f’isem il-kumpanija Binance fetaħ żewġ

kumpaniji f’Malta… waħda bl-isem ta’ Binance Europe Services Limited u l-oħra bl-isem ta’ Binance Marketing Limited.

Dwar l-intenzjonijiet tiegħu li jistabbilixxi lilu nnifsu f’Malta bħala ġgant fl-industrija tal-cryptocurrency, il-moħħ wara Binance kien beda negozjati mal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) u anki ma’ xi banek biex uffiċjalment il-kumpanija Binance tkun reġistrata fuq il-Borża ta’ Malta.

Fil-fatt il-kumpanija Binance twaqqfet f’pajjiżna fl-2018… ftit qabel ma faqqgħet il-pandemija Covid-19. Dak iż-żmien pajjiżna kellu bħala Prim Ministru lil Joseph Muscat u fuq quddiemnett jimbotta l-cryptocurrency u negozji relatati kien hemm il-Ministru Silvio Schembri… u jrewwaħ minn taħt Keith Schembri li kien jokkupa l-kariga ta’ Chief of Staff fl-Uffiċċju ta’ Joseph Muscat.

Dawn kienu ta’ appoġġ kbir għal Changpeng Zhao biex jirrealizza l-ħsibijiet tiegħu f’Malta, iżda jirriżulta li l-awtoritajiet regolatorji qajla kienu eċċitati minn dan il-proġett!

Sorsi infurmati mill-industrija finanzjarja li fil-jiem li għaddew tkellmu magħna żvewaw li Changpeng spiss kien ikun fil-kumpanija kemm ta’ Joseph Muscat u anki ta’ Silvio Schembri u ta’ terzi oħrajn involuti fil-Gvern Laburista ta’ dakinhar fejn bħala wieħed mill-Konsulenti Legali tiegħu kien hemm saħansitra Robert Abela.

L-istess sorsi fakkru kif Joseph Muscat f’dawk is-snin kien għamel minn kollox biex f’Malta jġib ’il quddiem l-industrija tal-crypotcurrency u hekk pajjiżna, kien jgħid Joseph Muscat, isir hub tal-industrija blockchain f’nofs il-Mediterran. Dakinhar Joseph Muscat kien wiegħed ħafna dħul finanzjarju għal Malta u ħafna benefiċċji bħal ħolqien ta’ impjiegi ġodda.

Interessanti kif f’Marzu tal-2018 Joseph Muscat, permezz ta’ messaġġ fuq il-midja soċjali, kien qal li kien qiegħed jilqa’ f’Mala lill-kumpanija Binance u kien qal li jrid li l-pajjiż ikun l-aqwa għażla ta’ kwalità għall-kumpaniji li joperaw fit-teknoloġija finanzjarja.

Dwar Binance, fi stqarrija li kien ħareġ il-Gvern, Joseph Muscat kien ikkwotat jgħid li din hi biss l-ewwel minn għadd ta’ kumpaniji fis-settur finanzjarju-teknoloġiku li jridu jinvestu f’Malta.

Qal li din il-kumpanija se tkun qed tħaddem mal-200 persuna f’Malta. Semma li għaddejjin ukoll taħdidiet mal-Università ta’ Malta biex ikun hemm korsijiet ġodda dwar teknoloġiji bħall-blockchain.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju tajjeb li nirrapportaw ukoll li l-kumpanija Binance kienet għadha kemm twaqqfet uffiċjalment fis-sena ta’ qabel f’Hong Kong u ftit wara kienet irċeviet twissija formali mill-Aġenzija għas-Servizzi Finanzjarji fil-Ġappun.

Dakinhar tal-imbottaturi minn Joseph Muscat, il-kumpanija Binance kienet qalet li li tinsab qrib li tagħlaq ftehim ma’ xi banek lokali li jistgħu jipprovdulha aċċess għal depożiti u l-ġbid ta’ flus, iżda ma ngħataw l-ebda dettalji dwar meta dawn is-servizzi se jibdew. Il-kumpanija kienet qalt li kellha mat-tmien miljun klijent! L-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni tagħha Zhao Changpeng, li diġà kellu kuntatti ma’ Joseph Muscat, kien qal li Malta hi progressiva ħafna fejn jidħol il-qasam tal-cryptocurrencies!

Is-sorsi li tkellmu magħna żvelaw li mbuttati minn persuni bħal Changpeng Zhao li kellhom kull interess li jinvestu f’Malta għall-iskopijiet diretti tagħhom, Joseph Muscat u Silvio Schembri tgħidx kemm ħadmu biex saħansitra mill-Parlament Malti għaddew tliet liġijiet li l-iskop tagħhom kien li jirregolaw is-settur tal-cryptocurrency u negozji relatati f’Malta: f’Malta fejn għalina dan kien kollu ġdid.

Fl-istess waqt Joseph Muscat u Silvio Schembri fetħu mill-ewwel perjodu tranżitorju għal dawk kollha li riedu jħaddmu l-cryptocurrency minn hawnhekk u għal xi raġuni bħal intbagħat messaġġ lill-Awtoritajiet Finanzjarji li fejn jidħol dan il-perjodu ta’ transitu għal dan in-negozju, dawn l-istess Awtoritajiet Finanzjari jagħlqu għajnejhom milli jinfurzaw il-liġijiet regolatorji u hekk ma jnaffrux lill-istess kumpaniji barranin li riedu jiġu jaħdmu minn Malta.

Skont is-sorsi infurmati li tkellmu magħna jirriżulta wkoll li l-kumpanija Binance twaqqfet f’Malta u bdiet tħaddem lil xi persuni. Damet f’Malta għal sena u nofs u kollox jindika – mill-kotba miżmuma b’mod professjonali – li l-kumpanija kienet qegħda ddaħħal il-biljuni tal-ewro. Ġara iżda li malli l-liġijiet mill-Parlament daħlu fis-seħħ u r-regolamenti bdew se jiġu mħaddma, din il-kumpanija bewġet rasha minn pajjiżna u qatt ma ħallset xi flus f’taxxi dovuti.

“Jekk tridx tuża l-kelma “telqet minn” jew “ħarbet minn” affari tiegħek, imma li nistgħu ngħidulek hu li kif l-affarijiet bdew jaqgħu f’posthom biex jitħaddmu kif mistenni u mixtieq, Binance – mil-lejl għan-nhar – dabbret rasha lil hemm… u magħha kumpaniji oħrajn simili li kienu fetħu f’pajjiżna fl-istess perjodu ta’ żmien. U dawn telqu mingħajr qatt ma ħallsu xejn!” qalulna s-sorsi tagħna.

Skont l-istess sorsi jirriżulta li l-kumpanija Binance anzi kienet għamlet dikjarazzjonijiet li tul l-operat tagħha minn Malta hi kienet għamlet it-telf!

Is-sorsi tagħna staqsew kif l-Awtoritajiet Finanzjarji Maltin aċċettaw din is-sitwazzjoni kollha u kif il-Kummissarju tat-Taxxi Interni ma għamlu l-ebda talba lill-Pulizija biex jinħarġu mandati ta’ arrest internazzjonali biex nies bħal Changpeng Zhao jinġiebu Malta u jwieġbu għal għemilhom u jħallsu dak li hu dovut lill-poplu Malti.

L-istess sorsi fakkruna kif fi Frar tal-2021 kienet inħarġet stqarrija importanti mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzarji ta’ Malta (MFSA) li kienet qalet li l-kumpnija Binance ma kenitx awtorizzata mill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji Maltin biex taħdem fil-qasam tal-crytocurrency f’Malta.

Kienet qalet fl-istqarrija tagħha li Binance mhux awtorizzata biex topera l-cryptocurrency u għalhekk mhix suġġetta għar-regolarizzazzjoni tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzarji ta’ Malta.

Fl-istqarrija qalet li kienet qegħda tiċċekkja jekk il-kumpanija Binance għandhiex xi attivitajiet f’Malta li ma jaqgħux taħt l-Liġi.

Lura għal dak li ġara fl-Istati Uniti jirriżulta li Changpeng Zhao f’isem Binance mhux biss ammetta l-akkużi miġjuba fil-konfront

tiegħu, imma ammetta wkoll l-involviment tiegħu f’operati ta’ ħasil tal-flus, irriżenja mill-kumpanija u aċċetta li jħallas il-multa ta’ €3.9 biljun bl-iskop li dan il-każ ta’ ħasil ta’ flus mad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jingħalaq hawn.

Fl-Istati Uniti Binance kienet akkużata li kisret il-liġijiet tas-sigurtà tal-Istati Uniti u li naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha rigward il-ħasil tal-flus.

Miġjub dahru mal-ħajt mill-Awtoritajiet Amerikani, Changpeng Zhao, li r-rabtiet tiegħu mal-kumpanija Binance jmorru lura għall-oriġini tal-ħsieb li titwaqqaf l-istess kumpanija, jiġifieri qabel ma kienet reġistrata uffiċjalment, ammetta quddiem il-Qrati Amerikani anki akkużi li naqas milli jevita li l-pjattaforma tintuża bħala veikolu għall-ħasil tal-flus.

Hu ammetta wkoll li kiser l-Att dwar is-Segretezza Bankarja u li kiser il-programm tas-sanzjonijiet, inkluż li suppost kellu jirrapporta u jimmonitorja t-tranżazzjonijiet suspettużi.

Hu, f’dikjarazzjoni bil-miktub, ammetta wkoll li l-kumpanija Binance kienet għamlet dikjarazzjonijiet mhux veritieri u anki rrikonoxxa li kienet responsabbiltà għall-ksur storiku u kriminali tal-konformità.

Il-Qrati Amerikani fid-deċiżjoni tagħhom fissru li l-kumpnija Binance kienet fetħet il-bibien tagħha għal iżjed minn 1.5 miljun attività virtwali tal-kambju li kisru s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti għall-benefiċċju tal-Hamas, tal-alQaeda u ta’ kriminali oħrajn, kif ukoll ta’ oħrajn li jappoġġaw ċerti “attivitajiet fosthom abbuż sesswali tat-tfal, narkotiċi illegali, terroriżmu, u dan b’aktar minn 100,000 tranżazzjoni.”

Tajjeb li wieħed josserva li minkejja l-lista xokkanti tal-illegalitajiet, il-kumpanija Binance ma ppreżentat l-ebda rapport ta’ attività suspettuża fuq l-ebda tranżazzjoni.

Apparti mill-multi kbar, il-kumpanija Binance aċċettat li jsir monitoraġġ estern min-network tagħha u dan hu maħsub għall-iskop ta’ infurzar tar-reati einanzjarji, biex b’hekk tiżgura li tkun konformi mal-liġijiet federali.