L-Armata Iżraeljana qed taħtaf aktar artijiet ta’ Gaza li sa ftit ilu kienu kontrollati mit-terroristi tal-grupp Ħamas. Dan ukoll meta l-Ġenerali qalu li l-istess Ħamas qegħdin jitilfu aktar ċentri tal-kmand u għall-koordinazzjoni tar-reżistenza kontra l-militar Iżraeljan li qed jiċċirkonda u jinfiltra l-aħħar fortizzi tat-terroristi fit-territorju.
Il-belt ta’ Khan Youis – fost l-aħħar fortizzi kbar tal-Ħamas fin-Nofsinar ta’ Gaza – tinsab suġġetta għall-burraxki ta’ missili, bis-suldati Iżraeljani jkomplu ifittxu għall-kapijiet terroristiċi li pjanaw l-attakki storiċi tas-7 ta’ Ottubru f’Iżrael…Attakki li fihom sfaw immassakrati ‘il fuq minn 1,200 (fil-parti kbira ċivili) fost il-ħtif tal-mijiet ta’ ostaġġi mill-Ħamas.
L-ogħla tmexxija militari ta’ Iżrael, fl-aħħar kummenti lill-media internazzjonali, qalet li s-suldati tagħha għandhom direttivi ċari biex iwettqu l-massimu tal-pressjoni fuq il-bejtiet tal-Ħamas — fost kummenti li ‘l-għadu qed jispiċċa dejjem aktar b’dahru mal-ħajt’.
Iżrael, fl-istess ħin, ċaħad li qed imexxi kampanja ta’ gwerra indiskriminattiva mingħajr l-ebda rispett għall-ħajja tal-familji u ċivili Palestinjani maqbudin fil-konflitt ta’ Gaza.
Ir-rapporti mil-Lvant Nofsani qalu li Iżrael mill-ġdid appella liċ-ċivili biex jaħarbu miċ-ċentru ta’ Khan Younis u meta l-Armata – filwaqt li qed tavvanza qalb iz-zoni kontrollati mill-Ħamas – qed tagħmel li tista’ biex ma tiżvolġix traġedja umana fuq skala kbira.
U filwaqt li l-entitajiet kollha Palestinjani, flimkien mal-pajjiżi Għarab fil-Lvant Nofsani, qegħdin jakkużaw lil Iżrael dwar reati tal-gwerra, l-Iżraeljani qed jirrepetu, jum wara jum, li ma jridux li ċ-ċivili Palestinjani f’Gaza jinqabdu fl-eqqel tal-ġlied qalil waqt gwerra ‘li għandha tkun sinifikanti għall-eżistenza ta’ poplu Iżraeljan’.
Il-kelliema għall-Ħamas f’Gaza sostnew li, skont l-aħħar kalkoli, inqatlu ‘il fuq minn 18,000 fil-Medda ta’ Gaza mindu l-Iżraeljani, f’Ottubru, bdew l-offensiva fuq il-Ħamas.
Fl-istess ħin, is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres u l-Qatar – li qed iservi bħala medjatur f’din il-kriżi – ħalfu biex ikomplu bl-isforzi lejn waqfien mill-ġlied permanenti bejn Iżrael u l-Ħamas. Madankollu, ftit hemm ċansijiet li dan jista’ iseħħ qabel il-Milied, bl-Iżraeljani jinsabu determinati li jwettqu t-tragwardi militari kollha.
//= $special ?>