“Il-Partit Nazzjonalista jemmen fi tmexxija man-nies permezz ta’ konsultazzjoni li ma taqta’ xejn permezz ta’ laqgħat interni u anke ma’ entitajiet varji. U dan sabiex jassigura li pajjiżna jimxi ‘l quddiem, b’mod speċjali permezz tal-ideat taż-żgħażagħ.”
Kien dan li qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech waqt intervista li kellu miż-żgħażagħ matul il-maratona ġbir ta’ fondi fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.
Fost it-temi li tkellem dwarhom kien hemm l-għoli tal-ħajja, Bernard Grech qal li Robert Abela minflok qed jipprova jsib soluzzjoni, qed jagħżel li jattakka lin-negozji Maltin. Quddiem dan kollu, il-Partit Nazzjonalista ilu x-xhur jipproponi numru ta’ soluzzjonijiet, fosthom isir fond biex jilqa’ għaż-żieda fil-prezzijiet.
Waqt din is-sessjoni, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar l-ambjent fejn qal li hemm bżonn ta’ spazji iktar miftuħa u mhux inkomplu neqirdu l-ftit siġar li għandna f’pajjiżna.
Dwar ix-xiri tal-propjetà għaż-żgħażagħ, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem u jinvesti fil-ġenerazzjonijiet tal-lum sabiex ikun hemm opportunitajiet ġodda b’pagi aħjar ħalli jkunu jistgħu jixtru l-propjetà tagħhom.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll dwar is-settur edukattiv li fl-aħħar xhur u snin ħa daqqa ta’ ħarta ‘l isfel. U mhux biss dan is-settur iżda anke l-professjonisti kollha li mhux qed ikunu rrispettati minn dan il-Gvern Laburista. U kien għalhekk fejn qal li l-Gvern Nazzjonalista se jkompli jinvesti fl-iskejjel u l-edukaturi kollha f’pajjiżna.
//= $special ?>