Lokali

“Ninvestu fil-media sabiex insaħħu l-messaġġ tal-PN” – Michael Piccinino

Jingħata bidu għall-maratona ġbir ta’ fondi mill-PN b’risq NET FM

Ingħata bidu l-Maratona Ġbir ta’ Fondi organizzata mill-Partit Nazzjonalista b’risq l-istazzjon tar-radju Net FM bil-għan li l-media tkompli tissaħħaħ.

Il-Maratona nfetħet mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino flimkien mat-Teżorier tal-PN Veronica Perici Calascione fejn insistew li din il-ġabra qed issir bil-għan li jinfetħu studios tar-radju ġodda.

Huma sostnew li l-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista jrid jissaħaħ hekk kif ninsabu ftit tax-xhur biss bogħod mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.

Il-maratona li qed tixxandar kemm fuq Net FM kif ukoll fuq Net Television għandha għaddejja sa tard il-Ħadd filgħaxija.

Kif mistenni, din il-maratona qed tilbes libsa tal-Milied, f’dan iż-żmien uniku ta’ ġabra u allegrija. Matulha se jkun hemm ukoll spettaklu u divertiment, bil-pubbliku huwa mħeġġeġ jattendi fid-Dar Ċentrali tal-PN.

Dan hekk kif filwaqt li tiġi organizzata l-maratona, fl-istess waqt hemm ukoll Misraħ il-Milied – mżewwaq b’kant, żfin u divertiment varjat.

Permezz ta’ din il-maratona ġbir ta’ fondi, permess tal-ftit mill-ħafna, il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jissaħħaħ.

Il-linji tat-telefon u tal-SMSs marbutin ma’ din il-maratona diġà huma miftuħa; u wieħed jista’ minn issa jagħti d-donazzjoni tiegħu.

Intant matul il-jum il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech se jkun qiegħed iżur diversi lokalitajiet filwaqt li l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Perici Calascione se jkun qiegħed jilqa’ donazzjonijiet f’Għawdex.