Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, fakkar mill-ġdid li l-poplu tiegħu qed jiġġieled konflitt kontra diversi pajjiżi u entitajiet estremisti li jridu, akkost ta’ kollox jaraw l-aħħar ta’ Iżrael bħala Stat.
Hu, intant, akkuża lill-pajjiżi tal-Punent b’li qegħdin juru żewġt uċuh u fejn huma, fuq naħa, qed jappoġġjaw l-eliminazzjoni tal-Ħamas waqt li, fl-istess ħin, qegħdin jagħfsu lil Iżrael biex itemm il-gwerra. Dan meta t-tmiem tal-gwerra qabel il-waqt għandu jwassal biex il-Ħamas jibqa’ b’saħħtu biżżejjed biex ikompli bl-attakki terroristiċi fuq l-Iżraeljani.
Netanyahyu qal dan waqt diskors lill-membri tal-Kabinett Iżraeljan u fejn tenna li hu refera wkoll għal din is-sitwazzjoni waqt kundatti telefoniċi mal-Mexxejja ta’ Franza, il-Ġermanja u pajjiżi oħra.
Ftit tal-jiem ilu, 13-il Stat membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU appoġġjaw riżoluzzjoni li ssejjaħ għal waqfien mill-ġlied immedjat fil-Medda ta’ Gaza. Iżda l-Istati Uniti eżerċitat id-dritt tal-veto għar-riżoluzzjoni – bir-Renju Unit jastjeni.
Fl-istess ħin, il-Gvern immexxi mill-President Amerikan Joe Biden, fi tmiem il-ġimgħa, irrikorra għal liġi ta’ emerġenza li ftit jew wisq tannulla l-pożizzjoni tal-Kungress tal-Istati Uniti u fejn qed tawtorizza l-bejgħ lil Iżrael ta’ munizzjon bi prezz ekwivalenti għal madwar 100 miljun ewro.
//= $special ?>