Lokali

Maratona ġbir ta’ fondi b’importanza kbira lejliet il-kampanja elettorali għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju ’24

Kollox hu lest u mħejji għall-maratona ġbir ta’ fondi li l-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jorganizza matul il-ġurnata tal-lum bl-iskop preċiż li jinġabru fondi importanti – il-ftit mingħand il-ħafna u mingħand dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-interess veru ta’ pajjiżna.

Din hi maratona ġbir ta’ fondi importanti għaliex permezz tal-fondi li jinġabru l-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jaħdmu u jsawwar il-kampanja elettorali tiegħu għall-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej fejn se jkunu qegħdin isiru żewġ elezzjonijiet… dik biex ikunu eletti r-rappreżentanti Maltin fil-Parlament Ewropew u dawk f’kull lokalità madwar Malta u Għawdex b’rabta mal-Kunsilli Lokali.

Din il-maratona ġbir ta’ fondi matul il-jum tal-lum se tkun qegħda ssir fl-isfond tal-inizjattiva – issa appuntament annwali – tal-attività ta’ Misraħ il-Milied fid-Dar Ċentrali, fejn imbagħad, wara tlett ijiem ta’ attivitajiet, din l-attività tilħaq il-qofol tagħha proprju llum il-Ħadd bil-maratona ġbir ta’ fondi.

Dwar din il-maratona fil-jiem li għaddew tkellimt ma’ Veronica Perici Calascione, it-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista, li mistoqsija għalfejn hemm il-bżonn li nibqgħu norganizzaw maratoni għall-ġbir ta’ fondi u x’inhi l-importanza li jiġu organizzati dawn it-tip ta’ maratoni, bdiet

biex tfisser li dawn il-maratoni jifformaw xejn inqas mill-qofol ta’ dak li mingħajru l-magna organizzattiva tal-Partit ma tistax tiffunzjona kif imiss u li għalhekk, jagħmluha possibbli għall-Partit li jaqdi dawn il-funzjonijiet kollha li hu mistenni li jaqdi bħala partit politiku ewlieni għal ġid ta’ pajjiżna.

Veronica Perici Calascione fissret li dak li niġbru waqt il-maratoni, flimkiem mad-donazzjonijet li nirċievu waqt is-sena, huma l-lifeline, biex il-Partit ikun jista’ jiffunzjoni bl-aħjar mod li jista’. Dak li niġbru jmur sabiex nistgħu nkomplu bix-xogħol tagħha, biex inkunu nistgħu nħallsu l-pagi tal-ħaddiema tagħha, biex inkomplu ninvestu fl-infrastruttura tal-Partit u hekk b’dan l-investiment inkunu nistgħu nkomplu nwasslu l-messaġġ tal-Partit bl-aktar mod modern, komplut u effettiv.

Din is-sena mbaghad l-għan prinċipali ta’ din il-maratona ta’ Diċembru huwa doppju… apparti li bħal dejjem id-donazzjonijiet li jaslulna sejrin jgħinu b’mod qawwi l-finanzjament tal-operat regolari tal-Partit. L-ewwel għan speċifiku u importanti hu li wasal iż-żmien, wara ħafna ippjanar, biex ninvestu b’mod xieraq u siewi fl-istudios tar-radju ta’ Net FM… studios li ilhom ma jaraw investiment komprensiv għal bosta snin.

Dan l-investiment huwa tassew meħtieġ u issa sar ukoll urġenti. Ħafna li jsegwu l-programmi regolari ta’ Net FM jitolbu ġustament li l-prodott dejjem jitjieb u jsir dejjem aktar professjonali. Dan hu raġjonevoli li s-semmiegħa tagħna jistennew li jsir. Kollox imma għandu prezzu u aktar aktar meta wieħed ikun irid jagħmel l-affarijiet bis-serjetà u b’mod tassew professjonali, l-isfida tal-ispejjeż involuti, tkun dejjem akbar.

Hemm bżonn dan l-investiment biex il-messaġġ jitwassal dejjem b’mod aħjar. Fi żminijiet fejn il-mezzi tax-xandir nazzjonali ta’ Malta huma maħtufa mill-Gvern preżenti u r-rappurtaġġ tagħhom huwa tant u tant drabi żbilanċjat, hu neċessarju jekk mhux imperattiv li jsir dan l-investiment biex inkomplu nikxfu l-iskandli ta’ dan il-Gvern preżenti; nagħtu spazju lil tant u tant nies li jsemmgħu leħinhom u li

nibqgħu nwasslu u nispjegaw il-messaġġ tal-Partit u naħdmu biex dan jitwassal għal firxa dejjem aktar wiesa’. Il-mument imbagħad li dan l-investiment isir, hu wieħed daqstant importanti hekk kif qed noqorbu għall-kampanja tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u għal Membri tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li ġej.

Veronica Perici Calascione kompliet li dan iwassal għat-tieni raġuni speċifika għall-iskop li għalih il-Partit Nazzjonalista se jkun qiegħed jiġbor f’din il-maratona… ftit xhur oħra se nibdew proprju dawn iż-żewġ kampanji elettorali u mingħajr l-għajnuna, kemm finanzjarja u kemm mill-lat ta’ voluntieri, ma nistgħux inkunu f’pożizzjoni li nagħmlu kampanja kif jixraq li pajjiżna u kif tant u tant nies li jsegwuna bi dritt jistennew. Hemm bżonn l-għajnuna biex inkunu f’pożizzjoni li nagħmlu dawn iż-żewġ kampanji b’mod denju u professjonali, li jixraq kemm lil kandidati tagħha u kif ukoll lill-Partit.

“Aħna, differentement minn ħaddiehor, m’għandniex il-makkinarju tal-Gvern warajna. Aħna nistgħu nistrieħu biss fuq l-appoġġ, is-sostenn u l-imħabba lejn il-pajjiż li għandhom dawk li jsegwu lil Partit u dawk li jaraw fil-Partit il-mezz li bih pajjiżna jkun jista’ jbiddel ir-rotta għall-aħjar.

“Huwa għalhekk li wasal iż-żmien fejn bħala Partit, nerġgħu induru lejn il-Partitarji tagħna, lejn il-Kandidati u lejn il-Membri Parlamentari tagħha u lejn kull min hu ta’ rieda tajba u min għandu lil Partit u lil Malta għal qalbu, u umilment nitolbu l-għajnuna u l-appoġġ tagħkom għal din il-Maratona. Il-ftit mill-ħafna jasal ferm u ferm fit-tul,” qalet Veronica Perici Calascione.

Hi kompliet li: “Għalhekk, l-appell sincier tiegħi, bħala Teżorier tal-Partit Nazzjonalista, huwa wieħed. Ejjew ingħaqdu magħna llum il-Ħadd 10, ta’ Diċembru, 2023, kemm ġewwa d-Dar Ċentrali u kif ukoll permezz ta-mezzi tax-xandir tagħna, agħtu d-donazzjonijiet tagħkom – agħtu rigal lil Partit Nazzjonalista għal dan iż-żmien tal-Milied, sabiex il-Partit jista’ jagħti rigal lilkom – rigal ta’ radju ġdid,rigal ta’ kampanja elettorali għal lokalità tiegħek, u finalment rigal ta’ serħan il-moħħ għal pajjiż aħjar.”