Lokali

Mark Sammut tal-PBS, sieħeb Robert Abela fiċ-ċentru ta’ ambjent ta’ riżenji, telqa, antipatija u nuqqas ta’ motivazzjoni u ħeġġa

Managers u Chief Officers jitfgħu t-tort fuq Mark Sammut u jakkużawh li qiegħed jonqos milli jixpruna lill-istaff biex jaħdem b’enerġija pożittiva

L-Imħuħ ta’ Kastilja u dawk li jinagħtu l-pariri lil Robert Abela qegħdin jinsistu li jekk l-affarijiet jibqgħu kif jinsabu bħalissa fi ħdan il-Public Broadcasing Services (PBS), mhux suppost għandu jkun hemm iktar problemi u inkwiet bħalma kien il-każ fl-aħħar xhur.

Il-fatt li l-kamra tal-aħbarijiet tal- Public Broadcasing Services għadha sal-ġurnata tal-lum mingħajr editur professjonali qegħda tagħmilha iktar faċli biex l-OPM u anke l-Partit Laburista jikkontrollaw l-aġenda u r-run down tal-ġurnata. b’mod partikolari fl-aħbarijiet tat-8pm fejn il-Public Broadcasing Services jirreġistra l-akbar udjenza fuq l-istazzjon prinċipali TVM.

Sorsi infurmati li fil-jiem li għaddew tkellmu ma’ Il-Mument fissrulna li wara li warrbu lil waħda minn tagħhom stess – lil Norma Saliba – issa jidher li hemm kunsens komuni li jekk l-affarijiet jibqgħu hekk, jiġifieri taħt kontroll, allura ma hemmx għalfejn li jkun hemm il-ħatra ta’ editur professjonali fiss fir-rwol ta’ kap tal-kamra tal-aħbarijiet.

Din l-informazzjoni qegħda ddur wkoll fi ħdan chat sigrieta li għandhom Managers u ċ-Chief Officers tal-Public Broadcasing Services fuq WhatsApp. Minkejja li ħafna minnhom ma jaqblux ma’ din id-deċiżjoni, ma jistgħux jitkellmu fl-apert għaliex inkella Mark Sammut – magħruf ukoll bħala l-‘Ors’ – jispiċċa jagħmel għalihom u jgħajjat magħhom. Għax din tajba wkoll… dan Mark Sammut ukoll

jiftaħar li jifhem f’kollox fejn fil-fatt ma jifhem f’xejn ħlief fl-ajruplani!

Is-sorsi li tkellmu magħna żiedu jgħidulna li hu fatt li Owen Bonnici, l-Ministru responsabbli mill-Public Broadcasing Services, fil-veru sens tal-kelma jipprendi u jibża’ minn Mark Sammut l-‘Ors’ minħabba li hu kkunsidrat bħala ta’ ġewwa ma’ Robert Abela u allura kull tip ta’ indikazzjoni, direzzjoni u ordni lil Mark Sammut qegħda ssir direttament mill-OPM speċifikament minn Glenn Micallef u Edward Montebello li jitkellmu miegħu regolarment.

L-aħħar struzzjoni lill-‘Ors’ kienet biex joħroġ sejħa interna biex il-kamra tal-aħbarijiet ikollha ‘Kap tal-Editorjal’ fil-kariga ta’ Manager minflok Editur. Dan kollu qed jindika li l-Inġinier Charles Dalli se jibqa’ l-editur reġistrat tal-Public Broadcasing Services… u minn din is-sitwazzjoni bla sens ifisser biss li aħna f’Malta l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għandu inġinier flok ġurnalist li jokkupa l-kariga ta’ editur ta’ kamra tal-aħbarijiet!

L-istess sorsi infurmati fissrulna wkoll kif fil-ġimgħat li għaddew ħarġu numru ta’ vakanzi fi ħdan il-Public Broadcasing Services li llum din il-gazzetta qegħda tippublikahom u kollox jidher lest u ppustjat għal ċertu individwi fi ħdan il-Kamra tal-Aħbarijiet… naturalment persuni li japppoġjaw lill-Partit Laburista u lill-Gvern ta’ Robert Abela u li fl-aħħar snin kienu qegħdin idaħħlu l-istaletti f’dahar xulxin.

Ċerti gradi li ħarġu l-vakanzi għalihom l-anqas biss huma parti mill-ftehim kollettiv li l-Public Broadcasing Services għandu mal-General Workers Union u wieħed hawn isaqsi x’se tkun il-pożizzjoni tal-General Workers Union b’reazzjoni għal din l-informazzjoni li qegħda tiżvela dan it-taħwid fi ħdan it-Tmexxija tax-Xandir Nazzjonali ?

Is-suppost ‘vacancies’ li ħarġu internament huma; Head of News Editorial – Manager 2, Court Affairs Coordinator, Parliamentary Affairs Coordinator, Head of News Resource Management – Manager

2, News Duty Manager 1, Radio Station Content Coordinator u Senior Video Journalist.

Is-sorsi infurmati ta’ Il-Mument fissrulna wkoll li l-mossa tal-OPM li jaġevolaw numru ta’ ġurnalisti fi ħdan il-Kamra tal-Aħbarijiet tal-Public Broadcasing Services waslet wkoll bl-approvazzjoni tal-Avukat Mark Vassallo… l-uniku persuna li għandu l-fiduċja ta’ Mark Sammut.

Nifhmu li l-promozzjonijiet se jkunu qegħdin jingħataw bl-iskop li jitnaqqas kemm jista’ jkun it-tegerir li qiegħed isir internament indirizzat direttament lejn iċ-Chairman u lejn Charles Dalli li huma kompliċi tal-falliment… fosthom ta’ TVMNews+.

Dan l-istazzjon falla bil-kbir fejn anke ċ-ċifri tal-Awtorità tax-Xandir jikkonfermaw dan. Il-falliment ta’ TVMNews+ huwa rifless mhux biss fiċ-ċifri baxxi ta’ nies li qegħdin jaraw dan l-istazzjoni iżda wkoll mill-aspett finanzjarju hekk kif saħansitra hemm paga spoporzjonata tal-koordinatur tal-aħbarijiet ta’ dan l-istazzjon… dik ta’ Maria Muscat il-’Barokka’ li hi ‘moħlija’ taħdem biss fuq stazzjoni li jarawh 400 persuna mal-ġurnata.

Is-sorsi li tkellmu ma’ Il-Mument fissrulna wkoll li intant is-sitwazzjoni tossika fi ħdan il-Public Broadcasing Services wasslet biex f’dawn l-aħħar ġimgħat irriżenjaw diversi impjegati minn kull dipartiment, fosthom ħaddiema li ilhom snin twal jaħdmu b’lealtà mal-Istazzjon Nazzjonali.

Fost dawk li rriżenjaw dan l-aħħar kien hemm Charlon Gatt meqjuż li kien bħala leali lejn iċ-Chairman. Dan Charlon Gatt saħansitra kien ingħata promozzjoni bla ma ħarġet ebda sejħa u tellgħuh fil-grad ta’ Chief Officer Finance. Issa jidher li dan qabżitlu wkoll jaħdem ma’ Mark Sammut u ddeċieda li jobżoq mis-sunnara.

Ma’ Charlon Gatt hemm oħrajn fil-lista jistennew l-opportunità biex jirriżenjaw mill-Public Broadcasing Services fejn kulħadd l-istess kelma: “ma nistgħu nagħmlu xejn għaliex minkejja li Owen Bonnici huwa l-Ministru tal-Public Broadcasing Services… hu Ministru bla boċċi u bla saħħa ta’ xejn u dan jgħiduh u jikkonfermawh ukoll id-diversi Żwieten kostitwenti tiegħu li jaħdmu fil-Public Broadcasing Services stess.”