Issa għaddew il-ġimgħat mindu l-Qorti tal-Appell mhux biss ikkonfermat is-sentenza mogħtija mill-Imħallef Franco Depasquale fl-24 ta’ Frar li għadda li kienet annullat id-deċiżjoni kontroversjali li tgħaddi t-tmexxija ta’ tliet sptarijiet f’idejn Vitals u Steward iżda kompliet mal-ħasla li tat l-ewwel Qorti fil-konfront tal-Gvern għal mod kif tmexxew l-affarijiet; b’kollużjoni…jew fi kliem sempliċi, konfoffa.
Dawn il-ġimgħat offrew silenzju assolut mill-Gvern Laburista fejn la qal lill-poplu l-ammont eżatt ta’ kemm insterqu mid-deal tat-tliet sptarijiet, x’se jkun qed jagħmel sabiex iġib il-miljuni ta’ ewro lura, u lanqas meta dawn il-flus se nkunu qed nieħduhom lura.
Net News kellu l-opportunità li jistaqsi lis-Segretarju Parlamentari, Chris Bonnett dwar dan kollu. Iżda minn naħa tiegħu insista li l-Gvern Laburista qed jinvesti l-flus kif għandu jkun.
“Il-Gvern qed jara kif se jinvesti l-flus tiegħu b’mod tajjeb,” qal Bonnett.
Mhux hekk biss, iżda qalilna li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jieħu t-triq it-tajba.
“It-triq illi qbadna aħna hi tajba mhux biss f’din is-sitwazzjoni, iżda tista’ tgħid f’ħafna mill-affarijiet illi nagħmlu,” qal Bonnett. “Perfetti m’aħnix ovjament.”
Hawnhekk għażel ukoll li jinħeba wara każijiet li skont hu għadhom għaddejjin; liema kawża kulħadd jaf li nqatgħet b’mod definittiv f’Ottubru li għadda.
“Nippreferi li jkollna attitudni ta’ kollaborazzjoni iktar milli dejjem irridu naraw il-kwistjoni ta’ aħna u huma u naħseb li għandna nibqgħu naħdmu b’dak il-mod,” qal Bonnett. “Hemm każijiet għaddejjin u naħseb li qed tkunu skorretti meta titkellmu b’dak il-mod. Qed tgħaddu l-idea lin-nies li l-affarijiet isiru kif tgħidu inthom.”
Pressat mill-mistoqsijiet b’tama li jkollna tweġiba dwar meta u jekk hux se nieħdu lura l-flus misruqa, il-membru Laburista baqa’ jaħrab milli jwieġeb.
“Irrispondejtek u naħseb li m’oġgħbitekx ir-risposta tiegħi,” qal Bonnett. “Imma wiġibtek.”
Sadanitant, l-Avukat Ġenerali, l-Avukat tal-Istat u l-Kummissarju tal-Pulizija qed jibqgħu jirrifjutaw is-sejħa tal-Oppożizzjoni biex tittieħed azzjoni kontra dawk involuti fil-ftehim tat-tliet sptarijiet; ftehim li l-Qorti tal-Appell ddikjaratu “frawdolenti” wara l-€400 miljun li nsterqu minn but il-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>