Floriana ħadu vantaġġ minn l-inattività ta’ Ħamrun Spartans fil-kampjonat wara li huma għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 3-0. Kienet logħba li rat lill-Greens jiftħu vantaġġ doppju kmieni fil-partita biex b’hekk ħażdu għal kollox lill-avversarji biex wittew it-triq għat-tmien rebħa tal-istaġun. B’hekk Floriana komplew jibnu fuq ir-rebħa li kisbu fl-aħħar ħinijiet fid-derby kontra Valletta l-ġimgħa li għaddiet. B’Ħamrun jiċċelebraw is-suċċess fis-Super Cup, Floriana tefgħu aktar pressjoni fuq l-Ispartans li issa jridu jiffaċċjaw lil Gżira United, logħba li kapaċi tkun ta’ sfida konxji mill-fatt li l-Maroons jinsabu fil-bżonn tal-punti. Mosta baqgħu fuq 10 punti fiż-żona relegazzjoni fejn għalihom din kienet it-tielet telfa konsekuttiva.

Sliema Wanderers kisbu s-sitt rebħa tal-istaġun, dan wara li huma għelbu lil Balzan b’gowl uniku skurjat minn Samuel Gomes. Din kienet it-tieni rebħa konsekuttiva għall-Wanderers u r-raba’ rebħa mill-aħħar ħames logħbiet. Il-gowl tal-Blues wasal kmieni fil-partita eżattament wara erba’ minuti biex it-tim immexxi minn Paul Zammit żamm sod biex issa jinsab fit-tielet post tal-klassifika b’19-il punt. B’hekk ikomplu l-wirjiet impressjonanti tal-Wanderers li għadhom kemm irritornaw fil-Kampjonat Premier wara nuqqas ta’ sena, sena li nemmen li swiet ħafna sabiex inbnew sisien sodi. Għal Balzan din kienet il-ħames telfa li huma sofrew s’issa fejn wara bidu tajjeb jidher li t-tim ma’ jinsabx fil-forma hekk kif mill-aħħar ħames logħbiet kisbu biss erba’ punti.
Wara t-telfa kontra Sliema Wanderers, Hibernians irritornaw għar-rebħ biex telgħu fil-ħames post. Kienet rebħa mistħoqqa għat-tim minn Raħal Ġdid li skurjaw gowl f’kull taqsima minn Apap u Bruno. Għal Valletta din kienet ir-raba’ telfa tal-istaġun u t-tieni waħda konsekuttiva. Fil-fatt minn mindu ħa t-tmexxija tal-iskwadra Enzo Potenza, Valletta għadhom ifittxu l-ewwel rebħa hekk kif mill-aħħar ħames logħbiet huma kisbu żewġ draws biss. Il-kowċis rispettivi għamlu żewġ bidliet kull wieħed hekk kif għal Valletta bdew mill-ġdid Barrientos u Gauci b’Santos u Guedes jirritornaw fl-ewwel ħdax ta’ Nisevic. Inkwetanti l-pożizzjoni fil-klassifika għal Valletta li jinsabu fuq għaxar punti daqs Mosta, fejn il-logħba li jmisshom kontra Balzan hija waħda important ħafna. Peress li dan l-istaġun ser jaqgħu erba’ timijiet il-biża fuq it-tim ta’ storja kbira bħal Valletta hija eżistenti.

Faċli għal Marsaxlokk kontra Santa Lucia fejn huma għelbuhom bl-iskor ta’ 3-0 biex telgħu fit-tielet post tal-klassifika b’punt daqs Sliema Wanderers. Dawn ir-riżultati qed ikomplu jikkonfermaw li Marsaxlokk huwa wieħed mit-timijiet revelazzjoni tal-istaġun. Fil-fatt din kienet it-tielet rebħa għat-tim immexxi minn Winston Muscat mill-aħħar erba’ logħbiet. Mill-banda l-oħra Santa Lucia, li kienu ġejjin minn draw kontra Valletta u l-ewwel rebħa tal-istaġun kontra Mosta, naqsu li jkomplu għaddejjin b’dan ir-ritmu. Is-Saints b’hekk jibqgħu fit-12-il post b’6 punti fejn il-logħba li jmisshom qabel il-waqfa tal-Milied ser tkun waħda diffiċli ħafna kontra ċ-Champions renjanti Ħamrun Spartans. Anki għal Marsaxlokk test iebes hekk kif huma jiffaċċjaw lit-tim li jinsab fil-quċċata tal-klassifika, Floriana.

Punt kull wieħed għal Sirens u Naxxar Lions fl-aħħar logħba ta’ tmiem il-ġimgħa. Kien riżultat ġust bejn dawn iż-żewġ timijiet fejn kien it-tim minn San Pawl il-Baħar li deher li kien ser jieħu l-punti massimi għal aktar minn darba, iżda dan ma’ kellux ikun biex b’hekk għadhom jistennew l-ewwel rebħa tal-istaġun. Dan peress li huma ħadu vantaġġ kmieni fil-partita u kien biss fl-84 minuta li l-Lions kisbu l-gowl tad-draw. Ftit tal-ħin wara Sirens kellhom iċ-ċans li jmorru mill-ġdid fil-vantaġġ għal dak li possibilment kien ikun il-gowl tal-ewwel rebħa iżda fallew mill-11-il metru. B’hekk huma jibqgħu ankrati f’qiegħ il-klassifika filwaqt li Naxxar Lions fallew iċ-ċans li jiksbu r-raba’ rebħa konsekuttiva.

INNUTAJNA
LI Ħamrun Spartans kisbu l-ewwel unur tal-istaġun, dan wara li huma fil-finali tas-Super Cup li ntlagħbet nhar it-8 ta’ Diċembru għelbu lil Birkirkara bl-iskor kbir ta’ 4-0. Din kienet vendetta sportiva hekk kif ġimgħa qabel fil-logħba mill-Kampjonat l-Istripes taw l-ewwel telfa lil Ħamrun. L-Ispartans b’hekk kisbu dan l-unur wara nuqqas ta’ 31 sena.

LI Mosta jkomplu juru fiduċja u jagħtu ċans lill-plejers iż-żgħar tagħhom. Fil-logħba kontra Floriana ddebuttaw għalihom bħala sostituti Ensell Attard kif ukoll Bradley Farrugia li daħlu fit-88 minuta tal-logħba.
LI r-rebħa u kwalifikazzjoni storika tat-tim tan-Nisa nisslet arja ġdida ta’ pożittivita fil-futbol lokali. Dan għaliex bil-ħidma u determinazzjoni kapaċi naslu kif fil-fatt wasal dan it-tim femminili fl-ewwel edizzjoni tan-Nations League. Prosit u Awguri għall-futur.
