Iċ-champions Manchester City u Tottenham Hotspur irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Luton u Newcastle rispettivament.
Fil-logħbiet l-oħra tkompli tikber il-kriżi ta’ Chelsea li kienu megħluba minn Everton f’Goodison Park, filwaqt li f’derby ieħor ta’ Londra kien hemm ir-rebħa kbira ta’ Fulham fuq West Ham.
Manchester City li kellhom jilagħbu mingħajr l-attakkant prolifiku Erlin Haaland, wettqu rimonta biex dawwru telfa f’rebħa kontra Luton.
Bis-saħħa ta’ din ir-rebħa Manchester City telgħu issa fir-raba’ post tal-klassifika erba’ punti wara l-leaders Liverpool hekk kif dan il-kampjonat qed jiżvolġi f’wieħed ferm interessanti.
Fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima Luton marru fil-vantaġġ permezz ta’ Adebayo.
Fit-tieni taqsima waslet ir-rimonta ta’ Manchester City li f’temp ta’ erba’ minuti biddlu l-andament tal-logħba.
Kien Bernardo Silva li kiseb id-draw fit-62 minuta u erba’ minuti wara wasal il-goal; tar-rebħa minn Jack Grealish.
Tottenham Hotspur ġabu fix-xejn lil Newcastle United b’rebħa ta’ 4-1 fit-Tottenham Hotspur Stadium f’Londra.
Spurs b’hekk irkupraw mit-telfa fid-derby kontra West Ham u issa jinsabu fil-ħames post tal-klassifika.
Tottenham fetħu l-iskor permezz ta’ Udogie fis-26 minuta u tmien minuti wara kien Richarlison skorja t-tieni goal, b’żewġ azzjonijiet mibdija minn Son.
Fit-tieni taqsima Richarlison skorja t-tieni goal personali tiegħu u Son finalment niżżel ukoll ismu fuq il-lista tal-iskorers meta skorja minn penalty fil-85 minuta.
Fil-91 minuta Joelinton skorja goal ta’ konsolazzjoni għal Newcastle.
Everton komplew javanzaw fil-klassifika meta għelbu lil Chelsea 2-0 f’Goodison Park.
Everton qegħdin jippruvaw jirkupraw wara li kellhom għaxar punti mnaqqsa minħabba rregolaritajiet finanzjarji.
Il-goals ta’ Everton kienu skorjati fit-tieni taqsima fejn kien Doucoure li fetaħ l-iskor fl-54 minuta u Dobbin għalaq il-logħba bit-tieni goal fit-92 minuta.
Il-ġimgħa l-oħra West Ham kisbu rebħa sorpriża f’derby ta’ Londra kontra Tottenham, iżda lbieraħ f’derby ieħor tal-kapitali West Ham kienu umiljati minn Fulham b’telfa ta’ 5-0.
Fulham kellhom tliet goals vantaġġ sa tmiem l-ewwel taqsima b’goals ta’ Jimenez, Willian u Adarabioyo.
Fit-tieni taqsima Fulham komplew jiddominaw u skorjaw żewġ goals oħra permezz ta’ Wilson u Carlos Vinicius.
Riżultati
Everton-Chelsea 2-0
Fulham v West Ham 5-0
Luton v Man City 1-2
Tottenham v Newcastle 4-1
//= $special ?>