Joe Giglio, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio sostna fil-parlament li l-abbozz ta’ liġi li jemenda varji liġijiet dwar ir-rikavat mill-kriminalità jrid jassigura li jintbagħat messaġġ li l-korruzzjoni trid tkun miġġielda.
Id-deputat Nazzjonalista Joe Giglio qal li l-kultura ta’ impunità ġabet sitwazzjoni fejn il-prosekuzzjonijiet għadhom qed jattakkaw liż-żgħir iżda ma jingħalqu l-għajnejn għal reati serji li jwettqu nies fil-poter.
Il-pajjiż għadda minn diffikultajiet kbar fejn tilef ir-reputazzjoni tiegħu u daħal anki fil-Lista l-Griża. Din kienet indirizzata milli tressqu kemm jista’ jkun nies il-qorti u jinħarġu ordinijiet ta’ iffriżar.
Joe Giilio qal li kienu qed jiġu akkużati ħafna nies b’ħasil ta’ flus sempliċiment biex Malta toħroġ mil-Lista l-Griża. Il-PN jaqbel li ma jkunx hemm ordnijiet ta’ iffriżar li ma jistgħux ikunu varjati iżda mhux jaqbel mal-metodu kif issir din il-bidla.
Hu qal li fil-prattika minħabba nuqqas ta’ riżorsi u stimi quddiem il-qorti, il-mod propost kif din tinbidel mhuwiex l-aktar ideali. Il-PN qed jipproponi li flok kollox jinqaleb ta’ taħt fuq, sa mill-ewwel ġurnata tingħata fakultà lill-akkużat li jkun hu stess li jagħmel azzjoni biex juri liema huma l-assi li ma jistax ikun li ġejjin mill-kriminalità.
Din il-liġi qed titfa’ l-piż kollu fuq min ma jifilħux, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li vantaġġ ieħor fil-proposti tal-PN hu dak tat-trasparenza għaliex bihom se jkun hemm iktar trasparenza dwar liema huma l-assi li ġejjin mill-kriminalità. Il-gvern qed jipproponi li jkun il-prosekutur li waħdu jiddeċiedi liema huma dawn l-assi.
Joe Gigilio kompla li l-PN irid rimedju effettiv biex l-ordnijiet ta’ iffriżar ma jġibux il-konsegwenzi li jġibu magħhom. Il-PN qed jipproponi wkoll ma jkunx hemm xogħol duplikat fl-investigazzjonijiet li jsiru.
Hu tkellem dwar il-banek tal-pajjiż u qal li l-banek huma obbligati li jiffriżaw lill-persuni li jkollhom fuqhom ordni ta’ iffriżar. Jekk l-akkużat jingħata l-fakultà li jista’ juri li l-fondi fil-kont bankarju mhumiex ġejjin minn attività kriminalità, allura l-banek ma jiffriżawx. Din il-proposta tal-PN tagħti iktar spazju lill-persuni biex jipprovaw li l-fondi tagħhom mhumiex ġejjin minn xi reat.
Biex ma jkunx hemm konsegwenzi negattivi ma’ aġenziji barranin li jiskrunitnaw il-pajjiż, il-PN qed jipproponi li jintbagħat messaġġ ċar li Malta se tkompli tiġġieled il-korruzzjoni. Għalhekk il-PN qed jipproponi li dan l-att li qed iressaq il-gvern ma jkunx japplika għall-korruzzjoni.