Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Il-Ħamas spiċċa f’sitwazzjoni ferm diffiċli, tant li issa qed jhedded il-ħajja tal-ostaġġi

It-terroristi tal-Ħamas f’Gaza qegħdin jheddu li l-ebda ostaġġ Iżraeljan mhu se joħroġ ħaj mit-territorju dment li jibqgħu injorati s-sejħiet tal-istess terroristi biex jinħelsu aktar Palestinjani mill-ħabsijiet ta’ Iżrael.

L-ostaġġi miżmuma mill-Ħamas kienu nħatfu waqt il-massakri storiċi tal-mijiet tal-familji dakinar — is-7 ta’ Ottubru – meta t-terroristi invadew lil Iżrael biex iwettqu wħud fost l-akbar atroċitajiet fl-istorja moderna tal-Lvant Nofsani.

Iżda minkejja t-theddid tal-Ħamas, kollox qed jindika li Iżrael qed jirrealizza t-tragwardi militari mindu, ġimgħat ilu, fetaħ l-offensiva kbira fuq il-Ħamas…Azzjoni intiża biex jinħelsu l-ostaġġi u anki bħala impenn lejn l-eliminazzjoni tat-theddida terroristika min-naħa opposta tal-fruntiera.

Fl-aħħar jumejn ukoll żdiedu l-indikazzjonijiet li Iżrael hu qrib li jirbaħ il-gwerra mal-Ħamas. Dan waqt li l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, sostna li qed iċedu kuljum l-għexieren ta’ militanti tal-Ħamas f’sitwazzjoni li hu fissirha bħala ‘il-bidu tat-tmiem għall-Ħamas bħala forza fir-reġjun.

Fil-fatt, diversi kapijiet tal-Armata Iżraeljana qalu li Iżrael dalwaqt se jkollu kontroll assolut fl-artijiet ta’ Gaza lejn it-Tramuntana. Madankollu, huma ma jeskludux li l-ġlied fit-territorju għandu jkompli għal talanqas xahren oħra.

Sadanittant, ma jidhirx li hemm xi serħan għaċ-ċivili ta’ Gaza, b’Iżrael qed iżid l-appelli biex dawn iċ-ċivili ma jinqabdux f’nofs il-battalji mal-Ħamas…Battalji li issa daħlu f’fażi deċiżiv

Il-Ġenerali ta’ Netanyahu komplew li dawn il-jiem huma kruċjali għall-offensiva fuq il-Ħamas iżda, fl-istess ħin, huma konvinti li t-Tramuntana ta’ Gaza – għal snin sħaħ fortizza tat-terroristi —  għandha taqa’ lis-suldati tagħhom fi żmien ġimgħa jew ġimgħatejn oħra,.

Dan ukoll meta qed ikomplu l-battalji intensivi lejn in-Nofsinar ta’ Gaza u partikularment fil-belt ta’ Khan Younis – bil-Ġenerali tal-Armata Iżraeljana jinsistu li l-qawwiet tagħhom ‘qegħdin jilliberaw it-territorju mill-preżenza tat-terroristi’.