Għadda jum ieħor fejn la l-Kummissarju tal-Pulizija u wisq inqas il-Gvern ma ħadu azzjoni biex jassiguraw li l-€400 miljun li nsterqu minn but il-poplu Malti u Għawdxi mid-deal tal-isptarijiet jinġiebu lura.
Kien fid-dawl ta’ dan illi fil-jiem li ġejjin, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed imur il-Qorti ħalli jiftaħ kawża sabiex dan is-serq ma jitħallix għaddej qisu xejn mhu xejn.
Dan kien konfermat mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech u d-Deputat Nazzjonalista, Adrian Delia l-Ħadd waranofsinhar matul ix-xandira Maratona Ġbir ta’ Fondi organizzata mill-Partit Nazzjonalista.
Ta’ min wieħed ifakkar kif il-Qorti kienet qieset id-deal bejn il-Gvern Laburista u l-kumpaniji Vitals u Steward bħala wieħed frawdolenti u li sar b’kollużjoni.
Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista fil-jiem li ġejjin se jkun qiegħed jiftaħ kawża l-Qorti u b’hekk ikun jista’ jibda bix-xogħol biex il-poplu verament jingħata flusu lura.
“Il-Partit Nazzjonalista għamel protest fil-konfront tal-Avukat Ġenerali, il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat tal-Istat biex huma jagħmlu xogħolhom,” qal Michael Piccinino. “La darba huma qalu li mhu se jagħmlu xejn, il-Partit Nazzjonalista, din il-ġimgħa, se jkun qed jiftaħ kawża biex il-Qorti tiddikjara li l-Avukat tal-Istat għandu l-obbligu li jaġixxi f’isem l-istat u jagħmel hu dak li m’għamilx il-Prim Ministru sabiex jinġiebu l-€400 miljun. Fin-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa ta’ Robert Abela u l-Gvern Laburista, se jerġa’ jkun l-Partit Nazzjonalista li ħa jieħu azzjoni biex il-Qorti tassigura li jinġiebu l-flus lura.”
Il-Partit Nazzjonalista għamel minn kollox biex jimbotta lill-Prim Ministru Robert Abela u lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà flimkien mal-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg u l-Avukat tal-Istat Chris Soler – iżda jidher li kollox waqa’ fuq widnejn torox.
Quddiem dan kollu huwa biss il-Partit Nazzjonalista li qed iservi ta’ tarka għall-poplu Malti u Għawdxi.
//= $special ?>