Lokali

Il-Gvern irid jkompli jdgħajjef il-ġlieda kontra l-kriminalità – PN

Pajjiżna għandu jkollu l-iktar liġijiet u istituzzjonijiet b’saħħithom kontra l-kriminalità

Il-Gvern irid idgħajjef il-ġlieda kontra l-kriminalità bl-abbozz ta’ liġi li ppreżenta l-Ministru għall-Ġustizzja ftit tal-jiem ilu u ser jibda jiġi diskuss illejla fil-Parlament (l-Abbozz ta’ Liġi Nru. 76). Għal raġunijiet ovvji u magħrufa, il-Gvern ippreżenta dan l-abbozz ta’ liġi b’għaġġla kbira u qed jinsisti li jgħaddi mill-Parlament sal-aħħar ta’ din is-sena. Dan hu pass perikoluż u irresponsabbli mill-Ministru għall-Ġustizzja.

Filwaqt li huwa fid-dmir li jara l-liġijiet kontra l-kriminalità jiġu aġġornati biex ikunu skont sentenzi li ngħataw mill-Qrati ta’ pajjiżna matul ix-xhur u s-snin li għaddew, il-Parlament għandu jiżgura li dawn ma jintużawx bħala skuża mill-Gvern biex idgħajjef idejn l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna fil-ġlieda kontra l-kriminalità.

Il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li qiegħed minn issa jiddikjara li mhux favur dan l-abbozz ta’ liġi kif ġie ippreżentat, ser ikun qiegħed jippreżenta numru ta’ emendi biex jiżgura li l-liġi tinbidel biss biex tkun skont dak li ddeċidew il-Qrati ta’ pajjiżna dwar id-drittijiet ta’ persuni akkużati u l-aċċess għall-ġustizzja.

Il-Partit Nazzjonalista ser iressaq emendi biex jiżgura li r-reati ta’ korruzzjoni jkunu esklużi mit-tibdil li qed isir fil-liġi bl-istess mod li l-Gvern diġà qiegħed jeskludi r-reati marbuta mad-droga. Bl-emendi li ser jiġu mressqa mill-Partit Nazzjonalista dawk il-persuni li jkunu akkużati bir-reati ta’ korruzzjoni ma jkunux jistgħu jgawdu mill-emendi li jrid idaħħal il-Gvern b’għaġġla kbira.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li għandha tinżamm il-proċedura li f’każijiet fejn ikun hemm ordni ta’ ffriżar (freezing order), m’għandux ikun l-obbligu tal-prosekuzzjoni li turi liema proprjetà jew flus ġew mill-kriminalità iżda għandha tkun il-persuna akkużata li tipprova lill-Qorti liema mill-ġid tagħha mhux ġej mill-kriminalità u għalhekk ikun jista’ jiġi rilaxxat mill-Qorti. Il-persuna akkużata għandu jkollha d-dritt li tagħmel dan fi kwalunwke stadju tal-proċeduri u d-deċiżjoni għandha tkun dejjem f’idejn il-Qorti.

Bl-istess mod m’għandux ikun il-Gvern li bis-saħħa tal-liġi jnaqqas iż-żmien ta’ ordni ta’ sekwestru (attachment order) mill-massimu ta’ sena kif inhu bħalissa għal 6 xhur, iżda għandha tkun il-Qorti li tibqa’ tiddeċiedi dwar dan skont il-każ li jkollha quddiemha.

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li dan l-abbozz ta’ liġi għandu jinkwieta lil dawk kollha li fl-aħħar snin batew il-konsegwenzi gravi tal-grey-listing li daħħlu lil pajjiżna fih Robert Abela u Joseph Muscat u li issa qed ikomplu jippruvaw iżarmaw l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna biex jipproteġu lilhom infushom u lil dawk viċin tagħhom.

Dan kollu ntqal minn Karol Aquilina, l-kelliem għall-ġustizzja f’isem il-Partit Nazzjonalista