Donald Tusk — li kien Prim Ministru tal-Polonja bejn l-2007 u l-2014 u li serva wkoll bħala President tal-Kunsill Ewropew — se jieħu mill-ġdid it-tmun ta’ pajjiżu. Dan wara li l-Prim Ministru Pollakk attwali, Mateusz Morawiecki, tilef vot kruċjali — kif ukoll deċiżiv — fil-Parlament ta’ Varsavja.
Il-Partit populista PiS (għal-Liġi u Ġustizzja) ta’ Morawiecki, f’Ottubru li għadda naqas milli jikseb maġġoranza fl-elezzjoni ġenerali, U għalkemm il-President Pollakk, Andrzej Duda (alleat tal-PiS) innomina xorta lil Morawiecki għal mandat ġdid, il-Prim Ministru naqas milli jirbaħ vot ta’ fiduċja fl-Assemblea — bl-iżvilupp iwitti t-triq għal Tusk biex jirritorna fit-tmexxija tal-Polonja.
Ftit tal-ħin ilu, 266 deputat fil-Parlament Pollakk (magħruf bħala s-Sejm) ivvotaw biex il-Gvern ġdid ma jitmexxiex minn Morawiecki — u b’190 deputat jivvutaw favur.
Fl-elezzjoni ta’ Ottubru, il-koalizzjoni ta’ partiti mmexxija minn Tusk kienet rebħet maġġoranza ta’ siġġijiet fis-Sejm…Rebħa li saret possibbli wara li konkorrenza rekord ta’ Pollakki — permezz tal-vot — esprimew l-inkwiet tagħhom li l-Polonja kienet qed titbiegħed sew mit-triq tad-demokrazija.
U għalkemm il-Partit PiS ħareġ mill-elezzjoni bħala l-akbar entità politika, il-partiti Pollakki l-oħra rrifjutaw kull tip ta’ kooperazzjoni miegħu u bir-riżultat li l-PIS ma setax jifforma maġġoranza fil-Parlament.
//= $special ?>