Il-President ġdid tal-Arġentina Javier Milei wissa lill-poplu biex jipprepara għal ‘xokk’ waqt li l-Gvern tiegħu jħejji programm ta’ awsterità ħarxa biex jiffaċċja l-problemi ekonomiċi li tul is-snin laħqu livelli kważi inkontrollabbli.
Milei, politiku estremista tal-lemin, qal dan waqt l-ewwel diskors tiegħu ftit wara li assuma formalment ir-riedni tal-pajjiż… Tragward li sar possibbli wara r-rebħa sorprendenti ta’ Milei fit-tieni fażi tal-elezzjoni presidenzjali – u fejn irnexxielu jegħleb l-isfida tal-kandidat tax-xellug Sergio Massa.
Il-President Arġentin, issa, spjega ċar u tond li ‘l-Istat mgħandux fondi’ waqt li saħaq li kulħadd, issa, irid jieħu kont tad-deċiżjonijiet diffiċli minn aspett ekonomiku…Deċiżjonijiet li għalihom, hu qed jieħu kull responsabbiltà.
Javier Milei kien rebaħ l-elezzjoni ta’ Novembru bil-wiegħda li jirriforma ‘b’mod radikali’ l-ekonomija tal-Arġentina
U fid-diskors inawgurali tiegħu bħala President hu ma ħalla l-ebda dubju li l-pajjiż għandu jaqbad direzzjoni ekonomika li l-poplu qatt ma ra bħalha taħt il-Mexxejja preċedenti.
Fil-fatt, Milei ħalef li, issa, intemmet ‘l-era tal-ħela u sparpaljar li ħalliet il-Kaxxa tal-Arġentina vojta’. Dan meta hu qed jaħseb diġà biex inaqqas mid-djun pubbliċi u l-inflazzjoni tal-Arġentina li issa qabżet il-140 fil-mija.
//= $special ?>