Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea: Pajjiżi-membri jinsistu għal sanzjonijiet speċifiċi kontra l-Ħamas

L-Italja, Franza u l-Ġermanja sejħu biex l-Unjoni Ewropea timponi ‘sanzjonijiet speċifiċi’ għat-Tmexxija tal-Ħamas kif ukoll għas-sostenituri tal-grupp terroristiku. Dan skont ittra li l-Ministri għall-Affarijiet Barranin tat-tlett pajjiżi wasslu lill-Kap tal-politika barranija tal-UE, Josep Borrell.

L-ittra tisħaq li l-impożizzjoni tas-sanzjonijiet tippermetti biex l-UE ‘twassal messaġġ politiku qawwi kontra l-Ħamas waqt  li fl-istess ħin tesprimi ‘solidarjetà ma’ Iżrael li kellu ġarrab azzjoni terroristika minn aspett storiku’.

Sadanittant, il-Qatar – li hu sponsor tal-Ħamas u li anki qed iservi bħala medjatur fil-kriżi tal-Lvant Nofsani – mill-ġdid wiegħed li se jkompli jistinka lejn  waqfien mill-ġlied ieħor f’’Gaza. Madankollu, il-medjaturi f’Doha indikaw li ċ-ċansijiet għal ftehim qed jonqsu minn ġurnata għall-oħra – u fi żmien meta l-Ħamas qed jidher dejjem aktar b’dahru mal-ħajt.

Fl-istess ħin, ir-Rappreżentanti tal-Istati membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti qed iżuru l-inħawi tal-fruntiera bejn l-Eġittu u Gaza – biż-żjara ssir ftit jiem biss wara li l-Kunsill ħareġ riżoluzzjoni biex isejjaħ għal waqfien mill-ġlied fil-Medda ta’ Gaza u li ma għaddietx minħabba l-veto tal-Istati Uniti.