Lokali Parlament

Liġi li mhijiex favur iċ-ċittadini iżda qed issir b’għaġġla u bi skop biex il-gvern jipproteġi lil min irid


Karol Aquilina, PN


Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal fil-parlament li l-abbozz ta’ liġi li jemenda varji liġijiet dwar ir-rikavat mill-kriminalità qed issir b’għaġġla u bi skop biex il-gvern jipproteġi lil min irid; u kulħadd jaf lil min irid jipproteġi l-gvern.


Karol Aquilina qal li fl-aħħar 10 snin, kull deċiżjoni li ħa l-gvern kienet dejjem għażla favur il-kriminalità; din hi liġi li tkompli mas-sensiela ta’ deċiżjonijiet ħżiena li ħa l-gvern.


Fis-27 ta’ Novembru 2023, il-Ministru tal-Ġustizzja sejjaħ press briefing biex spjega li se jressaq dan l-abbozz ta’ liġi ġdid. Fir-realtà l-Ministru tal-Ġustizzja ħabbar biss liġi li tiffavorixxi lill-persuni involuti fl-kriminalità, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li din hi liġi li mhijiex favur iċ-ċittadini Maltin.
Din il-liġi tpoġġi lill-pajjiż f’istwazzjoni agħar. L-ikbar għodda li għandu l-Istat hi l-liġi miktuba mill-parlament biex jipproteġi lis-soċjetà.


Karol Aquilina sostna li l-istituzzjonijiet jaħdmu jekk il-gvern ikollu r-rieda li tkun miġġielda l-kriminalità. Fl-aħħar 10 snin il-gvern bagħat il-messaġġ li ma jsir xejn fuq reati gravi ta’ kriminalità tant li m’hemmx prosekuzzjoni ta’ politiċi li kienu involuti fil-kriminalità, ta’ min kien involut fil-Panama Papers u ta’ min kien involut f’reati oħra serji.


Minflok, l-istituzzjonijiet mhumiex jieħdu azzjoni għaliex minn fuq qed jintbagħat il-messaġġ li dawn m’għandhomx jipprosekwixxu lill-politiċi inovluti fil-kriminalità. Dan hu abbozz li se jdgħajjef idejn l-Istat qudddiem il-kriminalità.


Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-pulizija għandha tinvestiga persuni li jgħixu ħajja ta’ lussu li ma tirriflettix id-dħul legali tagħhom.


Waħda mill-għoddod tal-Istat hi li jintalab sekwestru mill-pulizija fuq persuni li kontriehom il-pulizija jkollhom provi. Dan isir fuq ordni tal-maġistrat għaliex l-Istat għandu l-obbligu li jipproteġi lis-soċjetà.
Għalhekk il-ġid tal-persuni jkun sekwestrat waqt li l-pulizija tkompli tinvestiga. Illum is-sekwestri joħorġu għal sitt xhur li jiskadu wara dan il-perjodu, inkella l-Avukat Ġenerali jrid jerġa’ jmur quddiem il-maġistrat u jinformah li se jkun hemm estenzjoni minħabba li jkun hemm informazzjoni ġdida. Tkun il-qorti li tiddeċiedi fuq estenzjoni ta’ sitt xhur tas-sekwestru.


Karol Aquilina kompla li din hi għodda b’saħħitha ħafna f’idejn l-Istat biex jiġġieled il-kriminalità iżda l-gvern qed jipproponi li minflok sena, il-perjodu jitnaqqas għal sitt xhur, li ma jistax jiġġedded għall-ebda raġuni.


L-intenzjoni tal-gvern hi li jdgħajjef l-istituzzjonijiet tal-pajjiż kontra l-kriminalità. Għaliex illum, ġimgħatejn qabel il-Milied u b’għaġġla kbira, il-gvern iressaq din il-liġi flok liġijiet oħra? Lil min irid jagħti rigal il-Gvern u jserraħlu moħħu? Kulħadd jaf min!


Hu ċar li l-intenzjoni tal-Ministri hi biss li jdgħajjef il-liġijiet u l-istituzzjonijiet; għalhekk l-Oppożizzjoni ma taqbilx għaliex l-Oppożizzjoni tafda f’idejn l-imħallfin dwar l-estenzjoni tas-sekwestru biex is-soċjetà tkun protetta. Ir-reati ta’ ħasil ta’ flus llum qed jeffettwa lil kulħadd; kull min imur il-bank jesperjenza dan.


F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-gvern irid jordna wkoll l-ordnijiet ta’ iffriżar, sostna d-deputat Nazzjonalista, li spjega kif dawn jidħlu fis-seħħ wara li persuna titressaq il-qorti fejn l-Avukat Ġenerali jitlob li l-ġid tal-persuna akkużata tkun iffriżata. Dan għaliex il-persuna akkużata tkun qed tiġi mixlija li tkun ġabet dan il-ġid mill-kriminalità.


Hemm ħafna reati fejn hu diffiċli li jkun identifikat liema flus jew assi l-persuna akkużata tkun ġabet mill-kriminalità. Il-liġi tgħid li għandha tinħareġ ordni ta’ iffriżar fejn kollox ikun iffriżat, inkluż investimenti, ishma, kontijiet moħbija u kontijiet fil-banek. Din hi ordni li tintuża biex l-Istat jipprevjeni milli l-persuna akkużata tibqa’ għaddejja tibbenefika mill-kriminalità jew li l-akkużati jgħattu xturhom.


Hu qal li l-gvern issa qed jipproponi li min iressaq quddiem il-qorti jrid jippreżenta liema propjetà jew valur ta’ flus tal-akkużat huma ġejjin mill-kriminalità; dan irid isir fl-ewwel 90 ġurnata. Jekk dan ma jsirx jista’ jkun hemm estenzjoni ta’ tliet xhur oħra u wara l-ordni ta’ iffriżar taqa’.


Karol Aquilina qal li bħalissa l-Prosekuzzjoni titlob li tinħareġ ordni ta’ iffriżar iżda issa l-gvern qed jibdel din il-proċedura kollha. Dan imur kontra prinċipju importanti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus għaliex irid ikun l-akkużat li jrid juri lil-assi tiegħu m’humiex ġejjin mill-kriminalità u mhux il-Prosekuzzjoni; issa l-gvern qed jaqleb kollox.


L-akkużati li jgħixu f’ġid kbir inspjegabbli għandhom jitwaqqfu mill-Istat. Il-gvern qed iżarma l-istituzzjonijiet billi jaqleb ir-responsabbiltajiet biex ikun l-Avukat Ġenerali li jridu jipprova x’inhu nadif u x’inhu maħmuġ. B’din il-liġi, Malta dieħla dritt fil-Lista s-Sewda għaliex se tipperikola r-reputazzjoni tal-pajjiż. Il-PN ma jistax ikun favur din l-emenda li se ddgħajjef idejn il-Prosekuzzjoni.


Karol Aquilina qal li hemm rimedju għal din is-sitwazzjoni fejn il-PN qed jipproponi li l-ordnijiet ta’ iffriżar jibqgħu fis-seħħ iżda għandha tiddaħħal proċedura li l-akkużati jistgħu jitolbu lill-qorti u jipprovaw li l-assi tagħhom m’għandhomx x’jaqsmu mal-kriminalità. Wara dan, għandha tkun il-qorti li tiddeċiedi dwar liema oġġetti tal-akkużati għandhom ikunu rilaxxati għax mhumiex ġejjin mill-kriminalità.


Dan hu punt li juri distinzjoni bejn il-gvern u l-Oppożizzjoni dwar kif isiru l-affarijiet; il-PN hu favur li meta persuna tkun qed tbati mill-poteri li għandu l-Istat, l-akkużat għandu jingħata forma ta’ aċċess biex jitratta l-azzjoni. Iżda dan għandu jsir mill-qrati u mhux mill-Prosekuzzjoni.


Id-deputat Nazzjonalista appella biex il-gvern jikkunsidra dawn il-proposti u qal li dan hu abbozz ta’ liġi perikoluż u irresponsabbli għaliex Malta għandha bżonn iżżid il-ġlieda kontra l-kriminalità.


Hu qal li hu pożittiv li l-persuni akkużati bi droga mhumiex milquta minn dan l-abbozz iżda hemm reati oħra li għandhom ikunu esklużi, fosthom il-korruzzjoni u l-abbuż ta’ poter għaliex anki b’dawn issir ħsara kbira lis-soċjetà. Għalhekk, il-PN se jressaq emendi f’dan is-sens, sostna d-deputat Nazzjonalista.