Lokali

Mużew mimli storja klerikali b’assi kulturali fil-Mellieħa

L-istorja ta’ mijiet ta’ snin inġabret f’mużew mill-isbaħ li ġie inawgurat fi Pjazza Papa Ġwanni Pawlu II, fil-Mellieħa.

Dan il-mużew bl-isem ta’ ‘Mellieħa Pellegrini Project’, jinsab ftit passi ‘l bogħod mis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa u fih wieħed isib rikkezzi li jmorru lura għall-ġenerazzjonijiet passati. Fost dawn hemm is-siġġu li ntuża’ mill-ewwel Papa li qatt żar il-gżejjer Maltin fl-1990, il-Papa Ġwanni Pawlu II.

L-oġġetti kollha li għandhom valur sentimentali għall-poplu Malti u Għawdxi kollu jinsabu f’din il-binja storika li tul iż-żmien ġralha ammont sostanzjali ta’ ħsara fl-istruttura, kemm kaġun tat-terremot li kien seħħ snin ilu iżda anke kaġun tat-traffiku li jgħaddi miz-zona.

Il-koordinatur ta’ dan il-proġett, Gabriella Mallia spjegatilna illi kien jeħtieġ perjodu ta’ tranżizzjoni sabiex jieħdu ħsieb l-assi li tpoġġew f’dan il-post.

Dan il-proġett mhux biss qed jippreserva l-identità tal-Maltin għall-ġenerazzjonijiet futuri iżda wkoll se jkun qed jilqa’ kemm Maltin u anke turisti biex japprezzaw il-kultura Maltija, kif spjegalna Fr Joe Caruana.

Dan il-proġett ġie jiswa’ madwar €650,000 bi 30% tal-ispejjeż ġejjin minn fondi Ewropej u anke minn kontribuzzjoni tal-komunità Melliħija.

Ritratti: Matthew Tabone