Lokali

Pass importanti mill-Unjoni Ewropea biex ikunu protetti l-ġurnalisti

L-Editorjal tat-Times of Malta tat-Tnejn ħareġ jikkritika lill-Gvern li naqas bi kbir milli jieħu azzjoni u jipproteġi lill-ġurnalisti f’pajjiżna. U dan wassal biex kellu jkun il-Parlament Ewropew li jaġixxi u jfassal abbozz ta’ liġi sabiex il-ġurnalisti kollha madwar l-Ewropa jkunu protetti – liġi li qed tissejjaħ ‘Daphne’s Law’.

Daphne Caruana Galizia kienet ġiet assassinata fis-16 ta’ Ottubru tal-2017 permezz ta’ karozza bomba wara li kienet qed tiżvela każijiet ta’ korruzzjoni fost l-għola persuni fil-Gvern.

Fiż-żmien li kienet għadha ħajja, Caruana Galizia kienet qed taffaċja mal-40 każ il-Qorti dwar artikli li kienet ippublikat fix-xhur ta’ qabel.

L-editorjal ġibed l-attenzjoni għall-kontradizzjoni bejn il-Gvern ta’ Robert Abela u l-membri Laburisti stess li jirrapreżentaw lil pajjiżna fil-Parlament Ewropew. Dan hekk kif il-Gvern qatt ma wera interess biex din il-liġi tidħol f’pajjiżna tant li għaddew sitt snin u għadu ma ħa ebda azzjoni biex il-ġurnalisti jiġu protetti bil-liġi.

Minn naħa l-oħra, il-Parlament Ewropew ilu għal dawn l-aħħar xhur jaħdem favur l-introduzzjoni ta’ din il-liġi… ‘l hekk imsejħa ‘Daphne’s Law’.

Il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni kien ressaq fil-Parlament, lura fl-2018, proposta ta’ tibdil fil-liġi sabiex tipproteġi lill-ġurnalisti quddiem il-kawżi tal-iSLAPP.

Affaċjati minn dan, il-Membri Parlamentari Laburisti għażlu li jivvutaw kontriha, mingħajr ebda raġuni valida. Xi ħaġa li marret kontra dak li għamel il-grupp tas-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew, meta ivvota favur id-‘Daphne’s Law’.

Kien hawnhekk fejn l-Editorjal appella biex il-Gvern Laburista minnufih imur lura mid-deċiżjonijiet tiegħu u jaġixxi favur il-ġurnalisti f’pajjiżna.

Dan huwa legat iehor ta’ Daphne Caruana Galizia li ma setgħax ikun possibli mingħajr ix-xogħol siewi u d-direttiva li ħadmu fuqha l-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, u l-Membru Parlamentari Ewropew, David Casa.