Għawdex Lokali

Siġra tal-Milied unika f’Għajnsielem

Ilbieraħ, fil-Jum li fih kien iċċelebrat Jum Għajnsielem u l-Festa Liturġika tal-Madonna ta’ Loreto, fil-lokalità ta’ Għajnsielem saret il-mixgħela tas-siġra tal-Milied.

Għar-raba’ sena konsekuttiva din is-siġra li ġiet klassifikata bħala waħda mill-isbaħ siġar tal-Milied fl-Ewropa se tkun fil-qalba taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied li jinkludu wkoll il-ftuħ ta’ Bethlehem f’Għajnsielem fis-16 ta’ Diċembru kif ukoll diversi attivitajiet u tiżjin madwar ir-raħal.

L-attività tal-mixgħela kienet tikkonsisti f’serata miżikali b’kantunezzi tal-Milied minn ‘The Joygivers’. Din is-sena is-siġra tal-Milied se tinkludi wkoll kamra ta’ Santa Klaus taħt l-istess struttura fejn wieħed jista’ japprezza wkoll din l-istess siġra u dwal tagħha minn taħt. Is-siġra hi għolja 65 pied b’5000 flixkun tal-ħġieġ u  mixgħela b’700 metru ta’ fistuni tad-dawl b’total ta’ 7000 bozza..

F’dawn iż-żminijiet ta’ festi, Għajnsielem huwa rinomat għall-attività Bethlehem f’Għajnsielem,  fejn min-nhar is-Sibt li ġej, din l-attrazzjoni prinċipali se tkun tinkludi attivitajiet partikolari fosthom il-ħaddied, il-mastrudaxxa, is-suq l-antik, it-taverna kif ukoll xmajjar, bhejjem u fuq kollox il-grotta li tħaddan fiha lil Ġesù Bambin.

Din se tkun it-tlettax-il edizzjoni ta’ Bethlehem f’Għajnsielem li matul is-snin żviluppa f’niċċa partikolari li issa saert tifforma parti integrali mill-kalendarju ta’ attivitajiet li jsiru f’dawn iż-żminijiet tas-sena fil-ġżira Għawdxija.