Kienet success l-attività li ġiet organizzata t-Tlieta filgħaxija fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fejn ġew preżentati siltiet mużikali u rakkonti tal-Milied għall-familja kollha – attività illi saret b’inizjattiva tas-Sinjura AnneMarie Grech wara li stiednet lil dawk kollha li xtaqu jqattgħu ftit ħin f’atmosfera tal-Milied fid-Dar Centrali.

Fost il-mistednin għal din l-attività kien hemm Fr Karm Debattista – patri li mess il-faqar b’idejh. Preżenti wkoll il-kantant tal-Greenfields, Joe Tanti, u l-grupp X-Tend li huma rinomati ferm ma’ dan iż-żmien tas-sena. U magħhom ingħaqdu Trevor Zahra li kiteb ħafna dwar il-Milied, kif ukoll Joe Saliba.
Kull personalità qasmet ma’ AnneMarie Grech l-esperjenza u x-xogħol tagħha f’dawn l-aħħar snin, b’uħud nafuhom bħala persuni li ħadmu minn wara l-kwinti; u oħrajn li wiċċhom żgur mhux ġdid għat-talent tagħhom fuq it-televiżjoni jew il-palk.

Preżenti kien hemm fost l-oħrajn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, s-Segretarju Ġenerali tal-PN, Michael Piccinino, kif ukoll diversi uffiċjali, deputati u kandidati tal-PN.

Din l-attivita’ tat-Tlieta ġabet fi tmiemhom l-attivitajiet ta’ Misraħ il-Milied, li bdew fis-7 ta’ Diċembru, fejn fost oħrajn kien hemm wirja ta’ presepji, serata ta’ kant u żfin, party għat-tfal, kif ukoll il-maratona ġbir ta’ fondi organizzata mill-PN.