Lokali

Bernard Grech f’laqgħa mal-Kummissarju Għoli Awstraljan

It-Tlieta filgħodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kellu laqgħa mal-Kummissarju Għoli Awstraljan Matt Skelly – laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali tal-PN, u li matulha kienu diskussi numru ta’ prijoritajiet li għandhom inkomuni ż-żewġ pajjiżi fostom li l-familji jkunu fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjonijiet politiċi li jittieħdu filwaqt li għandha tingħata importanza kbira lill-ħiliet tal-ħaddiema.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech tkellem fost l-oħrajn dwar il-viżjoni li għandu l-Partit Nazzjonalista għal pajjiżna… viżjoni li fiċ-ċentru tagħha hemm il-kwalita ta’ ħajja aħjar.

Semma kif il-ħidma tiegħu qed tikkonċentra fuq il-mudell ekonomiku għas-snin li ġejjin; mudell li jibbaża fuq il-kwalità u mhux il-kwantita.

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju Għoli Awstraljan Matt Skelly tkellem dwar il-ħidma li trid tibqa’ ssir sabiex ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi tkompli tissaħħaħ.

Huwa semma wkoll kif kemm Malta u l-Awstralja għandhom bosta pożizzjonijiet komuni fosthom anke dwar il-kunflitti li jinsabu għaddejin bħalissa kemm f’Gaża kif ukoll fl-Ukrajna.

Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm il-Kelliem tal-PN għall-Affarijiet Barranin Beppe Fenech Adami kif ukoll is-Segretarju Internazzjonali Beppe Galea.