Il-Gvern mitlub jieħu pożizzjoni wara rapporti li jrid iwettaq spjunaġġ fuq il-ġurnalisti u qrabathom

Jekk ir-rapporti internazzjonali huma korretti – l-aġir tal-Gvern Malti huwa inkwetanti, inaċċettabbli u problematiku għall-aħħar.

Dan intqal mill-Istitut Ġurnalisti Maltin wara li rapporti minn Franza indikaw li l-Gvern ta’ Robert Abela huwa favur li jsir forma ta’ spjunaġġ fuq il-ġurnalisti f’Malta.

F’ittra indirizzata lill-Prim Ministru Robert Abela, l-IĠM saħaq li huwa inkwetanti ferm dak li ġie rrapportat fi Franza, ċioè li Malta hija fost seba’ stati membri li jridu jwettqu xi forma ta’ spjunaġġ fuq il-ġurnalisti.

Għaldaqstant il-Gvern ġie mitlub sabiex joħroġ forma ta’ risposta uffiċjali u jieħu pożizzjoni ċara u tonda mill-aktar fis possibli.

L-IĠM insista li l-liġi proposta mill-Unjoni Ewropea hija tajba għaliex tipproteġi lill-ġurnalisti u l-istituzzjonijiet li jaħdmu fi ħdanhom madanakolli tali proposta, allegatament imbuttata mill-Gvern Malti, ċioè li jsir forma ta’ sorveljanza fuq il-ġurnalisti u qrabathom…hija ta’ inkwiet kbir – għaliex jaf iwassal għal abbuż.

Intant, il-Media Reform Initiative saħqet li hija diżgustata bir-rapporti internazzjonali fejn qed jingħad li l-Awtoritajiet Maltin qed jargumentaw li l-liġi tista ttihom is-setgħa li iwettqu spjunaġġ fuq il-ġurnalisti u qrabathom.

Kelliema għal dan il-grupp saħqu li ebda Gvern demokratiku m’għandu jgħaddilu minn moħħu li dan jista’ jkun possibbli…speċjalment Gvern ta’ stat li nstab li kellu responsabbiltà f’assassinju ta’ ġurnalista.