L-istudenti Universitarji se joħorġu jipprotestaw wara d-deċiżjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar li jinħareġ permess għal binja ta’ 11-il sular minflok il-post li kien akkupat mill-ħanut ‘Mireva’. Dan minkejja li din l-applikazzjoni kienet ġibdet lejha ħafna reazzjonijiet negattivi, fosthom mill-KSU stess.
Fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni l-KSU qed jistieden lill-istudenti, lill-istaff, lil-NGO’s u lill-pubbliku inġenerali sabiex jingħaqdu magħhom f’dimostrazzjoni li se ssir il-Ħamis fil-10 ta’ filgħodu.
Fi stqarrija, il-KSU qal li jaqbel bi sħiħ mal-Case Officer tal-Awtorità tal-Ippjanar li l-proġett se jkollu impatt negattiv fuq il-pjan lokali taz-zona peress li se jkun hemm kunflitt mal-għan tal-pjan strateġiku li jiżgura li żviluppi ġodda jtejbu l-kumdità taz-zona – li tinsab eżatt mad-daħla l-antika tal-Universita’.
Il-Kunsill Studenti Universitarji qal ukoll li dan il-proġett se jkompli jkabbar in-nuqqas ta’ servizzi immirati lejn l-istudenti fiz-zona, b’impatt negattiv fuq il-ħajja studenteska fil-kampus.
L-istudenti saħqu li issa l-Università se tkun maħnuqa minn proġetti infrastrutturali kbar li joffru għażliet mhux affordabbli u mhux sostenibbli għaż-żgħażagħ li jkunu għaddejin bl-istudji tagħhom. KSU spjega illi filwaqt li ż-żieda ta’ akkomodazzjoni għall-istudenti hija meħtieġa, dan m’għandux iseħħ għall-ispiża tas-sostenibbiltà u l-ippjanar infrastrutturali xieraq … f’konformità mal-kumditajiet taz-zona rispettiva.
//= $special ?>
