Ir-rebbieħa kienu rappreżentati minn Saleh Nikbakht, akkademiku u l-avukat li qed jirrapreżenta l-familja ta’ Jina Mahsa Amini, u Afsoon Najafi u Mersedeh Shahinkar, difensuri tad-drittijiet tan-nisa Iranjani, li telqu mill-Iran fl-2023.
Waqt il-ftuħ taċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet, il-President Metsola ddikjarat: “Il-premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb ta’ din is-sena, mogħti lil Jina Masha Amini u lill-moviment Nisa, Ħajja, Liberta, iservi ta’ ġieħ lin-nisa, l-irġiel u ż-żgħażagħ kollha kuraġġużi fl-Iran, li minkejja li qegħdin taħt pressjoni dejjem akbar, qed ikomplu l-ġlieda għad-drittijiet tagħhom u qed jagħmlu pressjoni għall-bidla. Il-Parlament Ewropew jismagħkom u jappoġġjakhom. M’inthomx waħedkom.”
Jina Mahsa Amini, tfajla Kurda Iranjana ta’ 22 sena, ġiet arrestata mill-pulizija f’Tehran fit-13 ta’ Settembru 2022, talli allegatament injorat il-liġijiet stretti Iranjani dwar l-ilbies tal-velu. Hija mietet fl-isptar tlett ijiem wara li sofriet abbuż fiżiku waqt li kienet arrestata. Il-mewt tagħha qanqlet protesti kbar ħafna mmexxija min-nisa madwar il-pajjiż. Dawn ilhom jipprotestaw bis-slogan “Mara, Ħajja, Libertà”, kontra r-regoli dwar il-hijab u liġijiet diskriminatorji oħra, mindu ħarġet l-aħbar tal-mewt tagħha.
Fi triqthom lejn Franza biex jirċievu l-Premju Sakharov 2023 tal-PE għal-Libertà tal-Ħsieb, fit-8 ta’ Diċembru 2023, il-ġenituri ta’ Jina Mahsa Amini u ħuha twaqqfu fl-ajruport ta’ Tehran mill-awtoritajiet Iranjani, u l-passaporti tagħhom ġew ikkonfiskati. Issa huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar. Is-Sibt, Roberta Metsola appellat lir-“reġim Iranjan biex ireġġa’ lura d-deċiżjoni tiegħu”.
Il-familja kienet irrappreżentata fi Strasburgu mill-avukat tagħhom, Saleh Nikbakht, li qara messaġġ minn omm Jina Mahsa Amini, Mozhgan Eftekhari, waqt iċ-ċerimonja: “In-niket ta’ Jina huwa etern għalija, u hija immortali għal ħafna nies madwar id-dinja. Nemmen bis-sħiħ li isimha, bħal dak ta’ Joan ta’ Arc, se jibqa’ simbolu tal-libertà. Mill-post tat-twelid ta’ Jina l-eterna, inwasslilkom il-gratitudni bla tmiem tiegħi u tal-familja tiegħi u nispera li intom tibqgħu sodi u kburin fir-rigward tad-deċiżjoni tagħkom.”
//= $special ?>