“Robert Abela mhux iħalli lill-Avukat tal-Istat iwettaq ix-xogħol mistenni minnu”
It-Tlieta filgħodu l-Partit Nazzjonalista fetaħ kawża fil-Qrati Maltin sabiex l-Avukat tal-Istat Christopher Soler ikollu l-awtonomija neċessarja u meħtieġa minnu sabiex ikun jista’ jwettaq ix-xogħol li huwa obbligat li jwettaq f’isem il-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech – akkumpanjat mid-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia u mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino, f’indirizz lill-media saħaq li Robert Abela mhux qed iħalli lill-Avukat tal-Istat iwettaq dmirijietu.
Dan għaliex meta Soler kien mistoqsi għalfejn għadu ma bediex jieħu l-passi neċessarji, huwa stqarr li huwa jisma’ biss mill-ordni ta’ Prim Ministru.
Bernard Grech insista li fl-aħħar 10 xhur minn meta żewġ setenzi tal-Qorti ddikkjaraw li l-ftehimiet ma’ Vitals u Steward kienu frawdolenti – il-Gvern għadu ma għamel xejn biex ġab lura flus il-poplu.
Intant id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia sostna li filwaqt li l-Qorti tal-Appell sabet li l-Gvern Laburista nnifsu kien f’kollużżjoni u f’konfoffa mal-kumpaniji barranin a skapitu ta’ but il-poplu….il-familji Maltin u Għawdxin għadhom qed jistennew il-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro li nsterqulhom.
Huwa insista li fl-aħħar 10 xhur…ħadd ma refa’ responsabbiltà, bil-Gvern qed jibqa’ jinsisti li ma jieħux il-passi neċessarji kollha – jew tal-inqas xi ħadd iġorr konsegwenza ta’ għemilu.
Fl-aħħar nett il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech temm jgħid li l-Gvern ma jistax jibqa’ jiġġustifika dak li sar u għaldaqstant huwa, flimkien mad-Deputati tal-PN, se jibqa’ jistinka sabiex issir ġustizzja u jinġiebu lura l-miljuni li nsterqu f’din l-akbar frodi ta’ pajjiżna.
//= $special ?>
