Il-Qorti ddikjarat li l-ġurnalisti għandhom jingħataw aċċess biex jagħmlu intervisti, jieħdu ritratti u jiffilmjaw fuq ġewwa tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex wieħed ikun jaf x’qed jiġri wara l-bibien tal-ħabs.
Dan ħareġ wara li l-blogger Manuel Delia fittex lill-Faċilità wara li stqarr li nkisrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu meta ma ngħatax aċċess biex jidħol fil-ħabs u fiċ-ċentri tad-detenzjoni. L-applikazzjoni ġiet ippreżentata l-Qorti f’Settembru tal-2020 wara li kien talab permess għall-aċċess quddiem l-artiklu li kien ippublikat mit-Times of Malta dwar immigranti li ġew “trattati bħal annimali” fil-ħabs.
L-għan ta’ Manuel Delia kien li jidħol il-ħabs u jara l-kundizzjonijiet li kienu qed jgħixu fihom il-ħabsin taħt it-tmexxija tal-kurunell, Alex Dalli.
Manuel Delia kien talab permess biex jidħol u jieħu ritratti fiz-zoni ta’ fejn jorqdu l-ħabsin, it-toilets u x-showers, fejn l-immigranti nżammu sakemm tressqu l-Qorti, u anke l-kċina tal-ħabs. Minn dan kollu, hu ngħata permess biss biex iżur il-kċina.
Għal dan kollu, il-Qorti qieset li t-tmexxija tal-ħabs kellha tagħti aċċess lil Manuel Delia fiz-zoni kollha li talab u mil-lum ‘il quddiem, il-ġurnalisti għandhom jingħataw aċċess meta jitolbu.
Manuel Delia kien assistit mill-avukat, Paul Borg Olivier f’dan il-każ.
//= $special ?>