It-Tnejn filgħaxija saret l-inawgurazzjoni tal-monument figurattiv tal-bronż f’ġieħ il-Professur Oliver Friggieri li se jibqa’ mfakkar bħala l-ġgant tal-letteratura Maltija.
Oliver Friggieri twieled il-Furjana fl-1947 u miet fis-sena 2020. Huwa beda jikteb il-poeżija meta kien jattendi l-Iskola Primarja tal-istess lokalità fejn għadda għas-Seminarju u wara għall-Università.
Friggieri huwa l-awtur ta’ numru kbir ta’ kotba maħruġa kemm Malta kif ukoll f’diversi pajjiżi barranin, fejn ir-rumanzi, in-novelli u l-poeżiji tiegħu ġew tradotti għal diversi lingwi.
Il-Professur Friggieri jibqa’ mfakkar għall-kontribut tiegħu fil-letteratura ta’ pajjiżna fejn bil-kitba tiegħu inrnexxielu jmiss qalb dawk kollha li għandhom il-letteraturi għal qalbhom.
Waqt serata kommemorattiva li saret fil-Furjana, iċ-Chairperson ta’ Heritage Malta, Mario Cutajar, qasam ħsibijietu dwar l-istatura immensa ta’ Friggieri, u ddeskrivieh bħala wieħed mill-akbar Maltin li b’għemilu daqskemm bis-saħħa tal-kelma miktuba u mitkellma ta xhieda ta’ kif għandu jkun ġens wieħed magħqud.
Huwa rrifletta wkoll dwar kif ix-xogħlijiet ta’ Friggieri jibqgħu jispiraw individwi u huma ta’ gwida għal Heritage Malta fit-twettiq tal-viżjoni tagħha biex il-mużewijiet tagħha jibqgħu rilevanti għas-soċjetà u jgħinu fit-tfassil tal-identità Maltija.
Fl-istess serata li għaliha kien hemm preżenti il-mara ta’ Oliver u t-tifla tiegħu Sara kif ukoll membri tal-familja, wieħed seta’ jsegwi siltiet artistiċi animati mill-attur Mario Micallef u mill-kantawtur Vince Fabri.
Il-monument, tal-artist Għawdxi John Grima, jikkonsisti f’rappreżentazzjoni ta’ Friggieri wieqaf fuq pedestall imponenti, li jirrifletti l-istatura tiegħu fil-fora akkademika lokali u lil hinn. Il-monument jinkludi wkoll versi mnaqqxa minn waħda mill-aktar poeżiji maħbuba ta’ Friggieri, bl-isem ta’ ‘Jekk’.
Fil-Furjana wkoll issemmiet triq dedikata lill-Professur Oliver Friggieri. Dan sar grazzi għal mozzjoni mressqa u l-ħidma tal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fil-Furjana.
//= $special ?>