Internazzjonali Kummerċ Kurżitajiet

Kontroversja enormi wara r-ritratti użati minn Zara

Il-kumpanija Zara spiċċat f’nofs kontroversja wara li użat ritratti li jixbħu l-gwerra li għaddejja bħalissa bejn Iżrael u l-Palestinjani – ritratti li intużaw għall-kampanja tagħhom – bid-diriġenti, wara, jiskużaw ruħhom għal din id-deċiżjoni.

Dawn ir-ritratti ħolqu kontroversja kbira fuq il-media soċjali hekk kif f’wieħed mir-ritratti dehret mudella żżomm manikin imgeżwer bi drapp abjad; simbolu li deher qisu katavru imgeżwer f’kutra.

Il-kampanja ta’ Zara, bl-isem ”The Jacket”, inkludiet ritratti tal-mudelli jippużaw ma’ ħitan u statwi mkissrin. Minkejja li ħafna qalu li dawn ir-ritratti jixbħu s-sitwazzjoni f’Gaza, Zara stqarret illi ħaduwhom f’dak l-ambjent bi skop sabiex jirrapreżentaw il-kampanja tagħhom, li tinkludi bosta ritratti ta’ skulturi li għadhom mhux lesti.

Zara qalet li l-kampanja ”The Jacket” kienet eżerċizzju li juri l-kreattività u l-kapaċità tagħhom meta jiġu biex jipproduċu ħwejjeġ ġodda. Iżda wara din il-kontroversja, il-kumpanija spiċċat kellha tagħmel apoloġija.