Lokali Qorti

Flus kontanti u rigal tat-tieġ misruqa minn dar tal-anzjani

Raġel li jaħdem f’dar tal-anzjani qed jiġi akkużat li seraq flus kontanti u rigal tat-tieġ mil-kamra ta’ anzjana.

Waħda mix-xhud, il-manager fid-dar irrakontat meta sabet lill-anzjana fi stat ta’ paniku minħabba li ma setgħetx issib €20,000 fi flus kontanti u arloġġ sentimentali li kien ingħata bħala rigal għat-tieġ.

Minn filmati tas-CCTV irriżulta li fit-12 ta’ Settembru, l-akkużat daħal fil-kamra madwar 10 minuti wara li l-l-anzjana telqet għall-ħarġa tagħha ta’ kull ġimgħa.

Kienu t-tfal tal-vittma stess li installaw CCTV camera fil-kamra t’ommhom sabiex isiru jafu min kien qed jieħu l-oġġetti.

L-għada, huma għamlu rapport l-għassa u min hemm bdew l-investigazzjonijiet tal-pulizija. Il-pulizija kixfu s-sensiela ta’ serqiet relatati ma’ tliet residenti li jgħixu fi kmamar separati.

L-akkużat hu nursing manager ta’ 37 sena, li jinsab akkużat li seraq oġġetti ta’ valur u flus kontanti mingħand numru ta’ anzjani residenti fid-dar li l-isem tagħha mhux jixxandar. Hu sostna li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.