Internazzjonali

Il-Gwerra fil-Lvant Nofsani: L-aktar jum qattiel għall-militar ta’ Iżrael

Iżrael spiċċa jitlef għaxar suldati fil-battalji tat-Tlieta kontra l-Ħamas u waqt l-aktar ġurnata qattiela għall-Armata mindu bdiet l-offensiva tal-Iżraeljani fuq il-Ħamas.

Il-maġġoranza tal-vittmi, fosthom kmandant ta’ battaljun u kurunell, kienu qed jiġġieldu mat-terroristi f’Shejaiya, lejn il-lvant tal-Belt ta’ Gaza u meta huma sfaw vittmi ta’ attakk koordinat tal-Ħamas.

Sadanittant, il-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza mmexxi mill-Ħamas, fl-aħħar sigħat, qal li l-militar Iżraeljan, mill-bidu tal-gwerra, qatel ‘il fuq minn 19,000 tul il-ġimgħat tar-rejds u l-attakki fuq il-Medda ta’ Gaza – b’għexieren ta’ eluf jisfaw midruba

U l-maltemp f’Gaza qed iżid it-tbatija għall-mijiet tal-eluf tal-Palestinjani li spiċċaw jgħixu l-ħajja ta’ refuġjati huma u jaħarbu miz-zoni tal-gwerra. Dan meta fl-aħħar sigħat, ħafna minn dawn il-Palestinjani kienu qed ifittxu x-xelters għall-kenn u bil-mijiet tal-familji qed jispiċċaw jorqdu fit-toroq fid-diversi zoni ta’ Gaza.