Lokali

“Il-korruzzjoni therri s-sinsla tad-demokrazija” – il-President George Vella

Fl-aħħar diskors tiegħu f’Jum ir-Repubblika, il-President George Vella iddiskuta l-akbar sfida li affaċċja pajjiżna f’dawn l-aħħar snin – il-pandemija ta’ COVID-19, perjodu li fih Malta rat futur ta’ dlam u inċertezza. Hu sostna li “l-qalb kbira tal-Maltin tispikka meta jkollna bżonn nieħdu ħsieb lil xulxin” meta fakkar fil-frontliners u kull min ġie affettwat bil-pandemija.

Fid-diskors tiegħu semma ħafna ż-żgħażagħ, u sostna l-importanza li huma jkomplu għaddejjin bl-istudji tagħhom.

Hu semma wkoll l-isfida l-ambjentali li qed naffaċċjaw, u li dawn se jħallu effett fuq il-ġenerazzjonijiet ġejjiena. Il-President Vella sostna l-importanza li nagħmlu użu min enerġija rinnovabbli.

Fid-diskors għamel referenza għal moralita tal-bnedmin, u li hemm bżonn rispett u tolleranza għal min għandu opinjonijiet differenti min tagħna.

Hu sostna l-importanza li min imexxi l-pajjiż ikollu prijorita’ l-aħjar interessi ta’ Malta.

“X’jiswielna niċċelebraw l-istatus ta’ Repubblika ta’ pajjiżna, u niftaħru li issa ħadna rajna f’idejna, jekk ma jkollniex nies b’għaqal u dehen biżżejjed biex imexxu lil dan il-pajjiż fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi?”

Hu kompla jsemmi l-effetti negattivi tal-korruzzjoni fuq pajjiżna.

“Il-korruzzjoni, kemm dik ippruvata, kif ukoll dik allegata, therri s-sinsla tad-demokrazija, u tgerrex lil min ikun jixtieq jipparteċipa fil-ħajja politika u pubblika.”

Hemm bżonn ngħallmu x’inhi l-politika, mhux dik partiġġjana, imma l-politika bħala arti u xjenza, u għandu jiġi mgħallem bħal kull suġġett ieħor.

Il-President kompla jsemmi l-isfidi li jaffaċċjaw iż-żgħażagħ f’Malta, fosthom il-prezzijiet għoljin tal-proprjetà, instabbiltà fir-relazzjonijiet bejn il-koppji, kif ukoll it-tellieqa biex jilħqu mal-livelli ta’ ħajja għolja. Hu semma wkoll it-tentazzjoni tad-droga li qed jaffaċċjaw, u li “ċertu kwalità ta’ droga hija soċjalment aċċettata daqslikieku kienet tazza ilma”, botta lejn il-legalizazzjoni tad-droga tal-ħaxixa.

Hu għamel referenza għaż-żieda fil-poplazzjoni, u l-fatt li 30% tal-popolazzjoni huma ‘barranin’. Sostna l-importanza li hemm bżonn nsibu mezzi kif f’Malta nipproduċu prodotti u nagħtu servizzi li jkollhom valur ogħla, u nżidu l-prodott gross domestiku mingħajr ma jkollna bżonn żieda fil-ħaddiema.

Hu semma kif nistgħu bħala pajjiż nutilizzaw it-teknoloġija avvanzata u l-intelliġenza artifiċjali biex naraw x’joffri l-futur, u biex naraw liem toroq irridu nieħdu biex naraw lil Malta miexja ‘l quddiem.

Il-President Vella sostna wkoll l-importanza tal-użu tal-Malti tajjeb, u li hemm bżonn tinħoloq kuxjenza dwar dan.

“Ilsienna prezzjuż wisq biex nittraskurawh u ma nagħtuhx il-ħarsien li jixraqlu.”

Kompla semma diversi problemi oħrajn li jaffaċċjaw iċ-ċittadini, fosthom it-traffiku esaġerat li jesperjenzaw kuljum, minħabba nuqqas ta’ soluzzjonijiet dwar l-infrastruttura tat-toroq.

Sostna l-importanza li ż-żgħażagħ iħarsu l-istat tad-dritt, sabiex nisguraw id-demokrazija ta’ pajjiżna. Hemm bżonn ukoll li nsaħħu l-istrutturi kostituzzjonali sabiex jagħtuna wens u serħan il-moħħ. Semma kif hemm bżonn issir ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia mill-aktar fis possibli, u min hu ħati jħallas għal għemilu.

Ikkonkluda billi semma kif minkejja Malta hu pajjiż newtrali, xorta nikkundannaw, niddefendu jew nimponu sanzjonijiet fejn hemm bżonn – referenza għal invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u l-gwerra bejn l-Iżrael u l-Ħamas, speċjalment minħabba l-qtil ta’ bnedmin innoċenti, inkuż tfal.

Hu temm billi stqarr li kien ta’ unur, privileġġ u dover li serva lill-poplu Malti u Għawdxi, u billi rringrazzja lil kull min tah appoġġ matul dan iż-żmien, b’mod partikolari lil martu Miriam.

“Viva Malta Repubblika”