Wara 13-il jum ta’ diskussjonijiet, kwazi 200 nazzjon f’laqgħa tal-COP28 f’Dubai approvaw l-ewwel ftehim li qatt sar sabiex id-dinja tnaqqas drastikament l-użu tal-fossil fuels. Din id-deċiżjoni saret minħabba li dawn il-fuels huma l-ikbar kawża tat-tibdil fil-klima.
Dan tħabbar f’abbozz tal-ftehim kmieni l-Erbgħa filgħodu. Ma kien hemm ebda oġġezzjoni għal din id-deċiżjoni.
Il-ftehim mhuwiex liġi, iżda jappella lill-pajjiżi kollha biex jitbiegħdu mill-użu tal-fossil fuels għall-ewwel darba fi kważi 30 sena tas-summits tal-COP dwar il-klima.
Il-ftehim jappella speċifikament għal “tranżizzjoni ‘l bogħod mill-fossil fuels fis-sistemi tal-enerġija, b’mod ġust, ordnat u ekwu, sabiex jinkiseb żero nett sal-2050 f’konformità max-xjenza”. Minkejja li ‘l fuq minn 100 nazzjon talbu biex ‘jeliminaw gradwalment’ il-fossil fuels, il-ftehim jgħid li huma se ‘jitbiegħdu’ minnhom.
L-abbozz jirrikonoxxi l-ħtieġa għal tnaqqis profond, rapidu u sostnut jekk l-umanità trid tillimita ż-żidiet fit-temperatura għal 1.5C ‘il fuq mil-livelli preindustrijali
Fiha wkoll lakuni li ħarbtu lill-kritiċi ambjentalisti, bħal fatt li ħallew “karburanti tranżizzjonali” bħall-gass. Huma jgħidu wkoll li l-ftehim mhux biżżejjed, fosthom il-Greenpeace li qed jgħidu li mhux se jkun possibbli li tinkiseb it-tranżizzjoni b'”manjiera ġusta u rapida”.
Minkejja l-kritika, din id-deċiżjoni xorta hija qabża kbira ‘l quddiem minn kull ħaġa miftiehma qabel f’summit tal-COP dwar il-klima.
L-għan tal-inventarju globali huwa li jgħin lin-nazzjonijiet jallinjaw il-pjanijiet nazzjonali tagħhom dwar il-klima mal-Ftehim ta’ Pariġi.
Din kienet l-akbar laqgħa tal-COP li qatt saret, fejn kien aktar minn 88,000 ruħ, inkluż numru rekord ta’ lobbyists mill-industrija tal-fossil fuels.
//= $special ?>