“M’għandniex għalfejn nistennew xi leġiżlazzjoni Ewropea biex il-politiċi Laburisti jċedu s-setgħa tagħhom biex jispjunaw fuq iċ-ċittadini tagħna,” insista Casa.
L-MEP David Casa rreaġixxa għall-aħbar li l-Gvern Malti kien qed jimbotta għal eċċezzjoni wiesa’ li tippermetti l-ispjunar fuq ġurnalisti fil-kuntest ta’ negozjati li għaddejjin dwar l-Att dwar il-Libertà tal-Midja tal-UE.
“Bħalissa f’Malta l-politiċi jistgħu japprovaw mandati għall-interċettazzjoni ta’ komunikazzjoni taċ-ċittadini mingħajr approvazzjoni jew superviżjoni ġudizzjarja. Din is-sitwazzjoni hija iktar inkwetanti fil-kuntest tal-kollass tas-saltna tad-dritt li esperjenzat Malta matul dawn l-aħħar snin”.
“L-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia diġà indikat li wasal iż-żmien li jinbidel il-mod kif jinħarġu l-mandati ta’ sorveljanza. Din il-vulnerabbiltà li biha l-Ministru tal-Intern u l-Prim Ministru għandhom is-setgħa li jissorveljaw liċ-ċittadini trid tieqaf,” fakkar Casa.
“Dan mhux poter li għandu jkun f’idejn il-politiċi, iżda għandha tkun għall-ġudikatura biss li tagħti setgħat intrużivi bħal dawn u biss wara konsiderazzjoni xierqa tar-restrizzjonijiet legali.”
Casa qal li fejn jidħlu ġurnalisti, is-sitwazzjoni hija bil-wisq aktar delikata u sensittiva.
“Jekk is-sorveljanza hija permessa, allura trid tiġi bl-aktar salvagwardji stretti u robusti li jipproteġu l-prinċipju kruċjali tal-protezzjoni tas-sorsi u l-ħtieġa li ma jindaħlux fix-xogħol investigattiv tagħhom.
“Madankollu nafu biżżejjed ir-rekord disastruż tal-Gvern Malti fejn jidħol ir-rispett lejn il-ġurnalisti.
“Il-Gvern għandu jaġixxi immedjatament biex ibiddel il-liġi rilevanti u sadanittant, għandu jirtira l-appoġġ tiegħu għal test wiesa’ fi ħdan l-Att Ewropew dwar il-Libertà tal-Midja li jippermetti sorveljanza fuq il-ġurnalisti għal interessi ambigwi ta’ sigurtà nazzjonali.
“Hija skuża fqira ħafna biex l-ewwel tistenna, u mbagħad tipprova timmina l-leġiżlazzjoni Ewropea minflok li ssaħħaħ bil-fatti is-salvagwardji meħtieġa kontra l-governanza arbitrarja. Għal darb’oħra, il-Gvern Laburista juri kemm hu moħħu f’li jibqa’ ggranfat mal-poter irrispettivament minn kemm huma intrużivi l-miżuri.”
//= $special ?>