Internazzjonali

Is-summit dwar il-klima: Ftehim għal tnaqqis fil-produzzjoni tal-fossil fuels

Il-pajjiżi rappreżentati fis-summit tal-Cop28 – jew aħjar is-summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-klima, organizzat fid-Dubaj —  wasslu għal ftehim sinifikanti wara jiem sħaħ ta’ negozjati diffiċli.

Il-ftehim, għall-ewwel darba, isejjaħ biex il-pajjiżi tad-dinja jnaqqsu l-użu tal-fossil fuels anki jekk mhumiex obbligati biex jeliminaw il-produzzjoni tagħhom għal kollox – u bħalma kienu talbu diversi Gvernijiet.

L-istqarrija tal-Cop28 tirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ tnaqqis profond, rapidu u sostenibbli tal-fossil fuels. Dan bħala tentattiv biex id-dinja tillimita ż-żidiet fit-temperaturi għal 1.5 gradi Celsius aktar mil-livelli stabbiliti minn qabel l-era tal-industrijalizzazzjoni.

Min-naħa tiegħu, Sultan Ahmed Al Jaber, bħala l-President tal-COP28, qal li l-pajjiżi tad-dinja qed jikkonfrontaw ir-realtajiet tal-klima huma u jaċċertaw li d-dinja, ‘il quddiem, iżżomm mad-direzzjoni t-tajba.

Il-ħruq tal-fossil fuels qed jixpruna dejjem aktar il-fenomenu tal-‘global warming’ f’sitwazzjojni li, fil-preżent, qed tipperikola l-ħajja ta’ miljuni. Fl-istess ħin, u qabel il-bidu ta’ dan is-summit, il-Gvernijiet tad-dinja ma kienu waslu qatt għal ftehim kollettiv rigward it-tmiem ta’ dan il-proċess.

Madankollu, mhux kulħadd jinsab kuntent dwar il-ftehim fid-Dubaj, b’numru ta’ gruppi għall-ħarsien tal-ambjent isostnu li l-patt mhux biżżejjed biex inaqqas l-impatt tal-fossil fuels għall-klima.