Lokali

L-Avukat tal-Istat għandu ċans sa għada sabiex iwieġeb għat-talba li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista

L-Avukat tal-Istat Chris Soler għandu ċans sal-Ħamis 14 ta’ Diċembru sabiex iwieġeb għat-talba li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista u jaġixxi b’mod immedjat quddiem l-obbligu li jwettaq dmiru dwar id-deal skandaluż li sar ma’ Vitals u Steward. Ħabbar dan id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia f’intervent li għamel waqt il-programm Net Live t-Tlieta filgħaxija.

Adrian Delia qal li dan se jkun pass ieħor sabiex l-poplu Malti u Għawdxi jingħata lura l-400 miljun ewro li nsterqu minn dan id-deal li ġie kundannat mill-Qorti għal darba darbtejn.

It-Tlieta filgħodu l-Partit Nazzjonalista fetaħ kawża oħra fil-Qrati Maltin sabiex l-Avukat tal-Istat Chris Soler ikollu l-awtonomija neċessarja ħalli jkun jista’ jwettaq ix-xogħol li huwa obbligat li jwettaq f’isem il-poplu Malti u Għawdxi.

Dan hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela mhux qed iħalli lill-Avukat tal-Istat iwettaq dmirijietu. Dan għaliex meta Soler kien mistoqsi għalfejn għadu ma bediex jieħu l-passi neċessarji dwar id-deal skandaluż li sar ma’ Vitals u Steward, huwa stqarr li hu jisma’ biss mill-ordni ta’ Prim Ministru.

Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia spjega illi filwaqt li l-Qorti tal-Appell sabet li l-Gvern Laburista nnifsu kien f’kollużżjoni u f’konfoffa mal-kumpaniji barranin a skapitu ta’ but il-poplu….il-familji Maltin u Għawdxin għadhom qed jistennew li jingħataw lura il-mijiet ta’ miljuni ta’ ewro li nsterqulhom.

Il-Prim Ministru Robert Abela għadu sal-ġurnata tal-lum ma fetaħx kawża kontra Vitals u Steward sabiex iroddu lura lill-poplu Malti l-miljuni ta’ ewro li nsterqu fid-deal tat-tliet sptarijiet. Fiflatt fl-aħħar 10 xhur minn meta żewġ sentenzi tal-Qorti ddikkjaraw li d-deals ma’ Vitals u Steward kienu frawdolenti – il-Gvern għadu ma għamel xejn biex iġib lura flus il-poplu. Bl-arbitraġġ li hemm għaddej bħalissa infetaħ minn Steward, u mhux mill-Gvern.