Għexieren ta’ ċivili Ukreni – inklużi tfal – spiċċaw midruba wara li l-qawwiet tar-Russja sparaw burraxka ta’ missili lejn Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna.
Is-Sindku ta’ Kiev, Vitali Klitschko, qal li l-midruba waqt l-attakki qabżu s-sittin u li t-tfal fil-kapitali wkoll kellhom jispiċċaw mira għall-missili — bir-Russja tkompli bl-istrateġiji ta’ qerda fuq livell indiskriminattiv.
Filwaqt li d-difiżi tal-Ukreni niżżlu numru ta’ missili, diversi sptarijiet u bini tal-kindergarten spiċċaw iġarrbu l-effett tal-bumbardamenti.
L-attakki intant saru waqt li l-President Ukren, Volodymyr Zelensky, kien qed jivvjaġġa lura pajjiżu mill-Istati Uniti. Dan ukoll wara li Zelensky ma rnexxilux jipperswadi lill-Kungress Amerikan biex jibgħat aktar għajnuna militari lill-Ukreni għar-reżistenza kontra l-qawwiet tal-Kremlin. L-intopp, f’dan il-każ, ġej min-naħa tal-membri Repubblikani tal-Kungress li ma jidhrux lesti li jilqgħu l-appelli ta’ Zelensky.
Il-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea wkoll iddiskutew aktar għajnuna lill-Ukrajna, bil-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen issostni li l-Ewropa għandha tagħmel minn kollox biex issostni d-difiżi tal-Ukreni.
Sadanittant, il-President Zelensky wiegħed li l-Ukrajna għandha tirritalja għall-aħħar attakki fuq Kiev. Hu akkuża lir-Russja bħala għadu malinn li qed jibbaża fuq il-bumbardamenti indirizzati għaz-zoni residenzjali, il-kindergartens u l-faċilitajiet tal-enerġija bħala parti minn kampanja ta’ terrur kontra ċ-ċivili.
//= $special ?>