Internazzjonali

Medda ta’ Gaza: Riżoluzzjoni għal waqfien mill-ġlied li ma torbotx lin-naħat rispettivi

Israel qed jidher dejjem aktar iżolat minn aspett diplomatiku wara li l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti vvutat b’maġġoranza assoluta biex taddota riżoluzzjoni għal waqfien mill-ġlied fil-Medda ta’ Gaza.

Intant, ir-riżoluzzjoni  — minkejja s-sinifikattività — tesprimi biss l-opinjoni tal-Istati-membri u ma tistax titqies bħala tip ta’ leġislazzjoni. Madankollu, ir-riżoluzzjoni għandha wkoll importanza politika minbarra li tirrifletti kif il-pajjiżi tad-dinja qed iħarsu lejn il-gwerra f’Gaza.

Il-vot – fejn 153 pajjiż ħarġu favur il-waqfien mill-ġlied u b’għaxar pajjiżi jopponu — ikkonkluda t-tieni tentattiv mill-Assemblea Ġenerali tan-NU biex twassal għal din ir-riżoluzzjoni. Fl-istess ħin, kien hemm 23 Stati membri tan-NU li astjenew fil-vot.

Dan wara li l-Assemblea Ġenerali tan-NU, f’Ottubru, kienet sejħet għal waqfien mill-ġlied f’Gaza għal raġunijiet umanitarji u liema riżoluzzjoni kienet adottata b’121 vot favur, 14 kontra u 44 astensjoni.

L-Istati Uniti, il-Paragwaj, l-Awstrija u Iżrael kienu fost l-għaxar pajjiżi li vvutaw kontra r-riżoluzzjoni tat-Tlieta bil-lejl u bir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda u l-Ukrajna jastjenu mill-vot.

Matul il-lejl tat-Tlieta, l-Ambaxxatur Iżraeljan għan-Nazzjonijiet Uniti, Gilad Erdan, kien indirizza lir-rappreżentanti tal-pajjiżi fi New York u fejn, b’ton sarkastiku, informa lill-udjenza li jekk huma jridu jwaqqfu l-ġlied f’Gaza jistgħu jitolbuh in-numru tat-telefon tal-Ħamas…Il-grupp li qed jikkontrolla t-territorju u li fis-7 ta’Ottubru wettaq l-attakki terroristiċi storiċi f’Iżrael li wasslu għal din il-gwerra.

Fi żviluppi oħra, il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, ikkritika lit-Tmexxija ta’ Iżrael waqt li tenna li l-Iżraeljani qegħdin jitilfu mill-appoġġ internazzjonali minħabba l-bumbardamenti indiskriminattivi fuq Gaza…Attakki li qed jissarrfu f’telf kbir ta’ ħajja fost iċ-ċivili Palestinjani.

Hu spjega li Iżrael jista’ iserraħ fuq l-Istati Uniti għas-sigurtà u meta llum qed jingħata wkoll appoġġ mill-Unjoni Ewropea u Stati oħrajn madwar id-dinja. Fl-istess ħin Biden wissa li l-Iżraeljani kapaċi jkomplu jitilfu minn dan l-appoġġ minħabba l-istrateġiji tal-gwerra attwali li qegħdin jeqirdu għal kollox it-territorju ta’ Gaza.

Fl-aħħar sigħat ukoll, il-Papa Franġisku irrepeta s-sejħa għal waqfien mill-ġlied immedjat f’Gaza li ilha l-ġimgħat sħaħ tbati mill-impatt tal-gwerra.

Il-Papa awgura li tispiċċa mill-aktar fis it-tbatija għall-Palestinjani u l-Iżraeljani waqt li ħeġġeġ għall-ħelsien tal-ostaġġi miżmumin mill-Ħamas kif ukoll għat-trasport ta’ aktar għajnuna umanitarjalill-poplu ta’ Gaza.