Sport Waterpolo

San Ġiljan jikkonfermaw is-superjorità bir-rebħ tal-Enemed Cup b’rebħa fil-logħba deċiżiva

SLIEMA FRANK SALT…………. 10

SAN ĠILJAN JP PROJECTS…… 16

(2-7), (4-5), (2-0), (2-4)

Tkompli s-sensiela ta’ unuri konsekuttivi għal San Ġiljan JP Projects bir-rebħ tal-Enemed Cup li hu l-ewwel unur għall-istaġun 2024. Dan hu t-tmien unur konsekuttiv għall-Ġiljaniżi li fil-logħba urew għaliex hu l-aktar tim ta’ kwalità u konsistenti fil-preżent.

Fil-verità għamluha faċli għalihom fl-ewwel parti tal-logħba b’dominanza li ppermettiet ikollhom vantaġġ komdu. Iżda fit-tielet sessjoni ma għalqux definittivament il-logħba u kellhom jistennew l-aħħar sessjoni biex aċċertaw mir-rebħa. Din hi r-raba’ darba f’seba’ edizzjonijiet li l-Ġiljaniżi ħarġu rebbieħa tal-kompetizzjoni.

Għal San Ġiljan saħansitra rritorna Ben Plumpton li kien qed jilgħab barra l-pajjiż filwaqt li għall-istess raġuni, Sliema kellhom neqsin lil Jamie Gambin, Zach Mizzi u Jayden Cutajar. Ironikament għas-Slimiżi kienet l-ewwel telfa fil-kompetizzjoni wara li rebħu l-logħbiet kollha preċedenti u din it-telfa wasslet biex inqabżu b’punt fil-klassifika finali.

San Ġiljan fetħu bl-aħjar mod possibbli bi tliet gowls konsekuttivi. Sliema naqqsu d-distakk għal 4-2 iżda doppjetta ta’ Darren Zammit u gowl ta’ Nico Schiavone wessgħu d-distakk għal 7-2 meta kienet għaddiet biss sessjoni.

Id-distakk saħansitra kiber għal 12-4 fit-tieni sessjoni qabel reazzjoni minn Sliema li fiha Liam Galea u l-captain John Brownrigg naqqsu d-distakk għal sitt gowls. Fit-tielet sessjoni, San Ġiljan ma żammewx l-istess ritmu ta’ logħob u wasslu biex Sliema skorjaw darbtejn oħra minn Galea u Daniel Rizzo u żammew it-tamiet minimi ħajjin.

Madankollu San Ġiljan ikkontrollaw tajjeb fl-aħħar sessjoni, bil-logħba tiżdied fit-tensjoni. Eżatt qabel il-bidu tal-aħħar sessjoni, il-kowċ Slimiż Gianni Katrouzanakis tkeċċa għal protesti u l-logħba spiċċat biż-żewġ captains jiġifieri John Brownrigg għal Sliema u Matthew Zammit għal San Ġiljan it-tnejn murija l-karta l-ħamra.

Wara l-logħba saret il-preżentazzjoni mill-Kap Eżekuttiv ta’ Enemed Kevin Chircop u l-President tal-ASA Karl Izzo lill-Viċi Captain Jake Tanti, bil-captain Matthew Zammit jgħolli t-trofew għal darba oħra.

Sliema: N. Grixti, P. Tabone, L. Galea (7), D. Rizzo (2), J. Cassar, B. Cachia, T. Camilleri, S. Engerer, J. Brownrigg (1), J. Chircop, G. Gatt, D. Zammit, A. Theuma, J. Sciberras, T. Fenech

San Ġiljan: J. Tanti, N. Bugelli (2), A. Galea (2), B. Plumpton, R. Caruana, M. Zammit (1), J. Bonavia (2), D. Tully (1), J. Abela (1), N. Zammit (2), D. Zammit (3), N. Schiavone (2), G. Borg, S. Cutajar, N. Bonavia

Referees: Massimo Angileri, Peter Balzan

NEPTUNES VIDEOSLOTS…….. 8

VALLETTA IZIBET……………… 6

(1-0), (2-2), (3-1), (2-3)

Neptunes Videoslots għalqu l-kompetizzjoni fuq nota pożittiva b’rebħa li biha kklassifikaw fir-raba’ post. Kollox ma’ kollox kienet rebħa meritata għalkemm Valletta setgħu kellhom riżultat aħjar kieku ma wettqux ċertu żbalji f’mumenti importanti.

Penalty skorjat minn Sam Gialanze rebbaħ l-ewwel sessjoni lil Neptunes. Il-vantaġġ kiber għal 3-1 fit-tieni sessjoni, b’Matthew Mifsud inaqqas id-distakk għal Valletta.

Id-distakk kompla jikber gradwalment, b’Neptunes jibnu vantaġġ momentarju ta’ 5-2 u għalkemm Kyle Cremona naqqas id-distakk, Ryan Galea aċċerta li Neptunes jibdew l-aħħar sessjoni tlieta minn fuq. Valletta rnexxielhom inaqqsu d-distakk għal gowl u aċċertaw minn tmiem eċċitanti. Madankollu kien Mark Castillo li għalaq il-logħba.

Neptunes: M. Farrugia, L. Mallia, S. Gialanze (4), G. Pace (1), J. Valletta, D. Bugeja, M. Castillo (1), J. Camilleri (1), R. Galea (1), J. Bajada, A. Fenech, E. Mallia, M. Brimmer, R. Spiteri, M. Lanzon

Valletta: B. Busuttil, M. Mifsud (2), M. Naudi, J. Farrugia, S. Busuttil, M. Demarco (1), J. Saliba, K. Borg (2), A. Agius, J. Culic, K. Cremona (1), A. Bugeja

Referees: Ronnie Spiteri, Juana Cauchi

BIRŻEBBUĠA FREEPORT……….. 9

MARSASKALA ESC……………….. 10

(3-2), (1-5), (3-0), (2-3)

Iż-żewġ timijiet kienu qegħdin ifittxu l-ewwel punti tagħhom u Marsaskala rnexxielhom jiksbu r-rebħa proprju fl-aħħar mumenti. Ir-riżultat finali jirrifletti l-andament tal-partita, hekk kif il-logħba setgħet tmur kull naħa.

Birżebbuġa rebħu l-ewwel sessjoni 3-2 wara rkupraw darbtejn minn żvantaġġ ta’ gowl. Marsaskala temmew it-tieni sessjoni b’vantaġġ tajjeb ta’ 7-4 wara li skorjaw tliet gowls konsekuttivi permezz ta’ Kyle Navarro, Jake Ciantar u Mark Carani.

Reazzjoni minn Birżebbuġa fit-tielet sessjoni li annullaw id-distakk bi tliet gowls mingħajr risposta fosthom doppjetta ta’ Giuseppe Mannino. L-aħħar sessjoni kienet ikkaratterizzata minn botta u risposta, b’Marsaskala jirbħu l-logħba fl-aħħar sekondi b’gowl ta’ Jake Ciantar.

Birżebbuġa: S. Livori, S. Bezzina, N. Cassar (1), J. Cauchi, N. Fenech (2), C. Nureddeen, W. Mizzi, I. Galea, D. Farrugia (1), J. Abdilla, G. Mannino (4), M. Curmi (1), K. Manara, D. Incorvaja, M. Cassar

Marsaskala: A. Muscat, G. Bonavia, G. Galea, J. Pace Mizzi, M. Agius, E. Bilgrin, K. Navarro (2), M. Farrugia (1), K. Grech, G. Sammut (1), J. Ciantar (4), M. Carani (2), M. Borg, L. Montebello Brownrigg, J. Colombo

Referees: Peter Balzan, Richard Magri

SIRENS………………………………….. 13

EXILES……………………………………. 6

(2-1), (4-1), (2-1), (5-3)

Sirens ikkonkludew kompetizzjoni mill-aqwa għalihom b’rebħa oħra komda li kienet il-ħames waħda għalihom f’din l-edizzjoni. Sirens iddettaw il-logħba kif xtaqu u sa mit-tieni sessjoni kellhom il-kontroll tal-logħba.

It-tim ta’ Ranko Perovic ħa l-vantaġġ importanti fit-tieni sessjoni hekk kif skorja erba’ gowls konsekuttivi u ħa vantaġġ ta’ 6-2. Il-gowls waslu minn Matthias Azzopardi, Jerome Zerafa Gregory u doppjetta ta’ Jake Cachia.

Sirens għamlu ċert mir-rebħa fit-tielet sessjoni, b’Isaiah Riolo u Azzopardi jkabbru l-vantaġġ għal 10-3 fl-aħħar sessjoni. Huma baqgħu jikkontrollaw il-logħba, b’Exiles tal-anqas żammew lill-avversarji milli jkabbru d-distakk finali.

Sirens: M. Bonello Dupuis, P. Serracino, K. Erdogan, T. Perici Ferrante, J. Zerafa Gregory (2), J. Cachia (3), M. Chircop, I. Riolo (1), K. Agius, G. Farrugia, M. Sciberras (1), M. Azzopardi (5), I. Schembri, M. Ortoleva (1), W. Ruggier

Exiles: M. Castillo, Z. Cutajar Licari, Z. Micallef, D. Pace Lupi, M. Martellacci, M. Paris Roding, M. Fenech, K. Griscti (3), L. Pursehouse, K. Tanti (1), M. Aquilina (1), N. Saliba (1), F. Buhagiar

Referees: Stefan Licari, Neville Mercieca

Kif Spiċċaw: San Ġiljan 19-il punt, Sliema 18-il punt, Sirens 16-il punt, Neptunes 12-il punt, Valletta 9 punti, Exiles 6 punti, Marsaskala 3 punti, Birżebbuġa 0 punti